Turist ġie kkundannat sena u nofs ħabs wara li ammetta li ħalla 41 qartas kokaina u droga ecstasy fil-kamra tal-lukanda tiegħu. Kane Dylan Bennington ta’ 24 sena mir-Renju Unit, ammetta li kellu ammont sostanzjali ta’ kokaina u ecstasy li ma kienx għall-użu personali tiegħu.
Id-droga nstabet f’lukanda f’San Pawl il-Baħar wara li tliet turisti residenti hemmhekk temmew il-vaganza tagħhom. Jidher li wieħed mit-tlett irġiel ċempel il-lukanda biex jinfurmahom li kien ġej lura għax nesa passaport.
Mal-wasla tiegħu, huwa ġie arrestat mill-Pulizija immedjatament wara li fil-kamra nstabu 41 qartas kokaina, sustanza kannella u erba’ pilloli ecstasy. Il-Qorti kkundannatu sena u nofs ħabs effettiva u ordni ta’ trattament.
F’każ relatat, it-Tnejn waranofsinhar tressaq il-Qorti wkoll Connor Leon Graham ta’ 26 sena mir-Renju Unit. Huwa ammetta wkoll li kellu kokaina li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Il-prosekuzzjoni u d-difiża infurmaw lill-Qorti li qablu fuq sentenza effettiva ta’ disa’ xhur ħabs kif ukoll multa ta’ ftit aktar minn €400.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, infurmat lill-partijiet li s-sentenza kienet se tingħata fl-aħħar tax-xahar fil-konfront ta’ Graham. Intant, ir-raġel se jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba li m’għandux indirizz fiss f’Malta.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispetturi Francesco Mizzi u John Leigh Howard. Għal Bennington dehret l-avukat Ilona Schembri filwaqt li għal Graham deher l-avukat Charlton Falzon Cascun.
//= $special ?>