Żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie kkundannat għal probation fuq perjodu ta’ sentejn talli kellu x’jaqsam ma’ tfajla li fiż-żmien tar-reat kellha 14-il sena u eventwalment il-koppja kellha żewġt itfal. It-tfajla qalet li kollox sar b’mod kunsenswali, imma l-fatt li hi kienet taħt is-16-il sena, skont il-liġi ż-żagħżugħ xorta ried iwieġeb għal għemilu.
L-akkużat wieġeb mhux ħati quddiem Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li ppresediet il-każ. Għall-akkuża kontrih li kellu x’jaqsam ma’ persuna li għandha inqas minn 16-il sena. Il-każ seħħ sentejn ilu meta s-Servizzi tal-Protezzjoni tat-Tfal (CPS) għamlu rapport mal-Pulizija li tfajla kienet għadha kif welldet tarbija u ma setgħux jagħmlu kuntatt mal-missier.
It-tfajla kienet ġiet mitkellma fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-preżenza ta’ ommha u spjegat li kienet daħlet f’relazzjoni mal-akkużat u ħarġet tqila. Minkejja li r-relazzjoni ntemmet, l-akkużat baqa’ ntiż fil-ħajja tat-tarbija.
Meta ġie interrogat, iż-żagħżugħ ammetta li kellu x’jaqsam mat-tfajla. Irriżulta li t-tfajla kienet reġgħet inqabdet tqila mill-akkużat u li r-relazzjoni bejniethom kienet reġgħet bdiet. Uffiċjal tas-CPS xehdet li t-tfajla kienet qed tiġi megħjuna mill-familja tagħha iżda ma kellhiex xogħol u b’hekk kien hemm dubji kbar dwar kemm setgħet tlaħħaq ma’ żewġ trabi.
Dan filwaqt li l-uffiċjal ikkonkludiet li t-tfajla kienet tenniet li lesta trabbi t-tfal u l-akkużat qal li lest isib xogħol ħalli jmantni t-tfal. It-tfajla qalet ukoll li r-relazzjoni kienet bil-kunsens tagħha u “għandhom pjanijiet għall-futur”.
Il-Qorti qalet li meta l-atti sesswali jseħħu mingħajr abbuż fiżiku jew psikoloġiku, il-piena tkun inqas ħarxa u kkunsidrat ukoll li ftit kien hemm differenza bejn l-etajiet tagħhom. Il-Qorti qalet li f’każijiet bħal dawn ma nħassx il-bżonn li l-akkużat jintbagħat il-ħabs għax issir aktar ħsara lit-tfal.
Il-Qorti kkundannat liż-żagħżugħ għal sentejn probation u wissietu biex jobdi l-ordnijiet tagħha. Minħabba li ż-żgħażagħ huma minuri, il-Qorti ordnat divjett fuq l-ismijiet tal-persuni involuti biex tkun protetta l-identità l-aktar tal-vittma.
L-Ispettur Dorianne Tabone mexxiet il-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>