Futbol Sport

Thomas Tuchel maħtur kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż

(Ritratt; EPA)

Il-kowċ Ġermaniż Thomas Tuchel ġie kkonfermat bħala l-kowċ ġdid tat-tim azzjonali Ingliż wara perjodu wieqaf mill-futbol. Tuchel se jkun qiegħed jieħu post Lee Carsley li kien qiegħed fir-rwol fuq bażi mhux permanenti, hekk kif kien l-interim kowċ wara li Gareth Southgate rreżenja lura fis-sajf wara t-telfa kontra Spanja fil-finali tal-EURO 2024.

Tuchel se jkun it-tielet kowċ mhux mill-Ingilterra li se jmexxi lit-Three Lions wara Sven-Goran Eriksson u Fabio Capello.

Il-kowċ interim Lee Carsley se jibqa’ kowċ tat-tim Ingliż sa Novembru, fejn se jmexxi t-tim għall-aħħar żewġ partiti kontra l-Greċja u l-Iralnda.

Il-preżentazzjoni uffiċjali ta’ Tuchel mistennija sseħħ il-ġimgħa d-dieħla, f’Wembley Stadium.

Din se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Tuchel bħala kowċ ta’ tim internazzjonali, hekk kif fil-karriera tiegħu huwa mexxa bosta timijiet ta’ kalibru għoli fosthom Chelsea, Borussia Dortmund, Paris Saint Germain u riċentament anke Bayern Munich.

Il-kowċ ta’ 51 sena rebaħ bosta unuri matul il-karriera, fosthom il-UEFA Champions League, il-FIFA Club World Cup u l-UEFA Super Cup.

L-iktar esperjenza riċenti ta’ Tuchel kienet ma’ Bayern Munich, fejn hemm rebaħ il-DFB Pokali, madankollu falla milli jirbaħ il-Bundesliga ma’ Bayern Munich għall-ewwel darba sa mill-2012.