Lokali

“€107,438 fis-sena minn bwietna għas-skiet ta’ Angelo Gafà” – PN

Minn wara dahar kulħadd, il-Gvern jirdoppja l-ħlas lill-Kummissarju tal-Pulizija

Minkejja n-nuqqasijiet ta’ Angelo Gafà fit-tmun tal-Korp tal-Pulizija, il-Gvern Laburista bil-moħbi tal-poplu Malti għażel li jġeddidlu l-kuntratt u jirduppjalu l-paga. Il-poplu Malti u Għawdxi qed joħroġ kważi €9,000 fix-xahar biex il-Gvern iżomm sieket lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott, f’isem il-Partit Nazzjonalista, fejn intqal li bis-saħħa ta’ Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista David Agius, il-Gvern inkixef li minn meta ġedded il-kuntratt ta’ Gafà,  il-Kummissarju tal-Pulizija qed jirċievi prattikament paga rduppjata.

Il-PN mhuwiex waħdu meta jgħid li l-pożizzjoni ta’ Angelo Gafà mhix tenibbli fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Dan fid-dawl ta’ nuqqasijiet kbar, fosthom:

  • nuqqasijiet kbar fi prosekuzzjoni jew investigazzjoni ta’ każijiet kbar;
  • kummenti pubbliċi b’messaġġi sottili politiċi; u
  • nuqqasijiet interni li qed ifixklu l-ħidma tal-Korp tal-Pulizija.

Iżda minflok jinsisti li Angelo Gafà jaqdi dmiru kif suppost, il-Gvern Laburista għażel li jagħtih minn wara dahar il-poplu pakkett finanzjarju doppju li jlaħħaq it-total ta’ aktar minn €107,000 fis-sena, inkluż l-allowances.

Agħar minn hekk, din iż-żieda ħbewha f’allowances li jaqbżu s-€60,000 minflok għollew l-iskala. Bl-allowances jaqbżu l-paga tal-Kummissarju. Mhux ta’ b’xejn li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fl-aħħar ġimgħat ħassu komdu għall-aħħar jgħid li xogħlu hu li jimplimenta l-policies li joħorġu mill-manifest politiku tal-Gvern Laburista.

Ir-responsabbiltà politika għal dan kollu taqa’ fuq il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk kinux huma li approvaw dawn iż-żidiet, u x’inhuma r-raġunijiet li qatt jistgħu jiġġustifikaw din il-qabża.

Il-Partit Nazzjonalista juri solidarjetà sħiħa mal-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li jaraw dawn it-tip ta’ allowances jingħataw li min qed jonqoshom bil-kbir, meta jafu li l-Korp li huma jridu jaħdmu fih għaddej mill-aktar żmien iebes u ta’ sfidi kbar minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi, bil-kundizzjonijiet sejrin għall-agħar.

Waqt li ħafna uffiċjali fil-Korp mhux ilaħħqu max-xogħol li hemm, u jaħdmu b’nuqqasijiet serji, waqt li s-sitwazzjoni f’ħafna għases tal-Pulizija hi waħda prekarja, u waqt li dan kollu qed jonqos li jattira numri sew ta’ rekluti ġodda lejn il-Korp, Angelo Gafà qiegħed komdu ħafna.

Bħalma rema s-saħħa u l-edukazzjoni tal-Maltin, Gvern Laburista rmielhom ukoll is-sigurtà.

Gvern Nazzjonalista huwa s-soluzzjoni għall-Korp tal-Pulizija li jixraq lil pajjiżna.