Il-gwerra ta’ Iżrael kontra l-grupp tal-Ħamas f’Gaza kompliet fl-aħħar sigħat, bl-Iżraeljani jirrappurtaw il-qtil ta’ kmandant ewlieni tal-grupp flimkien ma’ ‘għexieren ta’ terroristi oħra’ waqt il-battalji fl-artijiet lejn in-naħa ta’ fuq tat-territorju.
U waqt li s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza qed tiggrava minn jum għal jum, l-Istati Uniti mill-ġdid ħeġġet lil Iżrael biex ‘jistimola u jiffaċilita’ l-għajnuna lill-familji Palestinjani inkella jkun qed jissogra li jitlef parti mill-għajnuna militari provdut lilu mingħand Washington.
Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani qalu li tal-anqas 50 trakk mgħobbijin bl-ikel u għajnuna oħra daħlu f’Gaza wara li kienu waslu aktar kunsinni tal-għajnuna lir-residenti bejn nhar it-Tnejn u t-Tlieta.
L-għajnuna – li kienet suġġetta għall-ispezzjonijiet dwar is-sigurtà – inkludiet l-ikel, ilma li hu tajjeb għax-xorb, provvisti mediċi u anki tagħmir għall-kenn tar-refuġjati u r-residenti li tilfu djarhom kaġun tal-gwerra..
Iżda l-Fergħa Palestinjana tas-Salib l-Aħmar qed tgħid xorta waħda li s-sitwazzjoni fit-Tramuntana ta’ Gaza saret ‘agħar minn katastrofika’ u li t-theddida kontinwa tal-attakki mill-ajru tfisser li l-ebda residenti Palestinjan ma jista’ jħossu sikur fiċ-ċirkustanzi.
Il-kriżi umanitarja qed tinħass ukoll fost l-isptarijiet ta’ Gaza – u speċjalment fl-isptar ta’ Al-Awda, fl-inħawi ta’ Jabalia, fejn kuljum qed jiddaħħlu l-għexieren tal-midruba ġodda dovuti għar-rejds tal-Iżraeljani.
It-tobba f’din iz-zona qalu wkoll li l-attakki tal-militar Iżraeljan fuq il-kamp ta’ Jabalia għar-refuġjati komplew kabbru ‘is-sitwazzjoni diġà impossibbli’ għas-sistema tas-saħħa lokali. Fl-istess ħin, ħafna mit-tobba fl-isptarijiet ta’ Al-Awda, Kamal Adwan u l-kumpless mediku regalat mill-Indoneżja lill-poplu ta’ Gaza, qegħdin jirrifjutw li jitilqu lill-pazjenti minkejja l-element kbir ta’ periklu għalihom.
Sadanittant, il-kmandanti tal-Armata Iżraeljani qalu li se jkomplu bl-offensiva fuq it-terroristi tal-Ħamas li, fost oħrajn, ilhom jużaw ir-residenti u r-refuġjati f’Jabalia bħala tarka umana.
//= $special ?>