Lokali Parlament

Gvern Laburista hu l-kontinwazzjoni tad-disprezz lejn Daphne


Graziella Attard Previ, PN


Ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ sostniet fl-Aġġornament tal-Parlament li dan il-Gvern Laburista hu l-kontinwazzjoni tad-disprezz lejn Daphne Caruana Galizia.

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ rriferiet għall-aħħar kliem ta’ Daphne Caruana Galiza li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017. Dawn il-kliem għadhom jagħmlu sens illum seba’ snin wara dan l-attakk faħxi fuq il-libertà tal-espressjoni; anzi Daphne kellha raġun.

Graziella Attard Previ qalet li ftit ilu kienet konkuża l-inkjesta maġistrali dwar l-isptarijiet li nfetħet minn Repubblika. Hi sellemt lil Robert Aquilina u lil Jason Azzopardi li komplew fuq dak li kitbet Daphne Caruana Galizia.

Id-deputat Nazzjonalista rrikonoxxiet il-kawża li kien fetaħ id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia biex il-poplu ħa l-isptarijiet lura. Daphne u l-PN kellhom raġun biex issa hemm proċeduri kriminali kontra diversi nies. Issa hemm ħafna crooks li qed jiffaċċjaw il-ġustizzja, fosthom esponenti kbar tal-gvern u tal-PL.
Id-deputat Nazzjonalista kkritikat in-nuqqas ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija u qalet li wara seba’ snin mill-qtil, l-attakki fil-konfront tagħha baqgħu ma waqfux.

Fl-inkjesta pubblika l-Gvern l-Laburista nstab ħati li ħoloq il-klima biex inqatlet Daphne; issa l-Gvern Labruista ta’ Robert Abela baqa’ ma tgħallem xejn tant li l-midja Laburista għadha tiddisprezza lil Daphne waqt li l-Gvern Laburista għadu jattakka lill-midja meta dawn jikkritikaw lill-Gvern Laburista.

Il-poplu għadu jistenna li xi ħadd mill-PL jitlob apoloġija għall-attakki li saru fil-konfront tagħha. Dawn l-attakki wasslu biex lil Daphne neħħewlha l-umanità tagħha. Wara l-inkjesta dwar il-korruzzjoni tal-isptarijiet, il-PL infexx f’attakk koordinat kontra l-Maġistrat Gabriella Vella fosthom b’folla quddiem il-qorti.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dan il-gvern hu l-kontinwazzjoni tad-disprezz li l-Gvern Laburista dejjem wera lejn Daphne Caruana Galizia. Minbarra dan il-każ, hemm każi oħra fosthom il-Panama Papers u l-Eectrogas.

Daphne kienet mara, bint, omm u ħabiba ta’ ħafna, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li Daphne kienet eroj li mietet għall-Maltin.