Permezz ta’ abbozz ta’ liġi li tressaq din il-ġimgħa quddiem il-Parlament, il-Gvern qed jipprova jaħtaf taħt idejh il-Bord tas-Sajd.
F’konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u x-Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi Robert Cutajar spjegaw kif bl-Abbozz Numru 109 li jemenda l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd, il-Gvern qed jipprova jaħtaf il-Bord tas-Sajd, li l-funzjoni tiegħu hi li, fost oħrajn, jiddiskuti u jagħti pariri lill-Ministru fuq diversi fatturi li b’ mod dirett jaffettwaw il-ħobza ta’ kuljum tas-sajjieda.
Il-kelliema elenkaw liema huma dawn il-fatturi:
• il-preskrizzjoni dwar ammonti, daqs u piż ta’ ħut maqbud, miżmum jew negozjat;
• il-preskrizzjoni tat-toqob tax-xbieki;
• il-kontroll u l-użu ta’ tagħmir tas-sajd;
• il-liċenzji għal kull xorta ta’ sajd;
• il-kwoti ta’ qbid ta’ ċertu ħut;
• l-awtorizzazzjoni lid-Direttur tas-Sajd li jalloka kull kwota;
• ir-regolazzjoni ta’ swieq tal-ħut, kontroll ta’ rkantijiet tal-ħut u reġistrazzjoni ta’ xerrejja u negozjanti tal-ħut
Filwaqt li l-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li se jżid ir-rappreżentanza ta’ diversi tipi ta’ sajd fuq il-Bord tas-Sajd, ir-raġuni prinċipali li għaliha tressaq dan l-abbozz hi biex jinbidel il-mod kif jiġu magħżula l-membri ta’ dan il-Bord.
Filwaqt li skont l-Att oriġinali, il-maġġoranza tal-membri kienu jkunu nnominati mill-Koperattivi tas-Sajjieda u mis-setturi varji relatati mas-sajd, b’dan l-Att kważi l-membri kollha tal-Bord tas-Sajd issa se jiġu magħżula u maħtura direttament mill-Ministru.
Sfortunatament għandna Gvern li għalkemm iħobb jiftaħar bil-konsultazzjoni, fl-ebda ħin waqt it-tfassil ta’ dan l-Abbozz ma kkonsulta la mas-sajjieda u lanqas mar-rappreżentanti tagħhom.
Għalkemm b’dan l-Abbozz se jidħlu fis-seħħ żewġ regolamenti ta’ sustanza li jispeċifikaw li mill-inqas wieħed mir-rappreżentanti fuq il-Bord tas-Sajd irid ikollu inqas minn 40 sena, u li mill-inqas rappreżentanta oħra trid tkun ta’ sess femminili, jibqa’ l-fatt li l-Gvern qed jipprova jagħmel hijack ta’ dan il-bord billi kważi l-membri kollha li jiffurmaw dan il-bord ikunu magħżula direttament mill-Ministru.
Jekk il-Gvern mhux se jammetti li qed jiżbalja u jagħmel l-emendi neċessarji biex il-Bord tas-Sajd fil-veru sens tal-kelma jkun jirrappreżenta lis-sajjieda billi l-membri tiegħu jkunu magħżulin mis-sajjieda stess, l-eżistenza tal-industrija tas-sajd se tkun qed tiġi pperikolata.
Is-sajjieda Maltin u Għawdxin jixirqilhom ħafna aħjar.
//= $special ?>