Ivan Bartolo, PN
Ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-problemi fuq in-nies foqra qed jikbru.
Ivan Bartolo qal li s-17 ta’ Ottubru hu l-Jum Dinji tal-Eradikazzjoni tal-Faqar u sostna li l-inguwaljanza estrema tal-ġid mhijiex ġusta. Din hi waħda mill-isfidi li għandu l-pajjiż fejn il-faqar qed jgħolli rasu fejn il-vampiri qed jixorbu demm is-soċjetà.
Id-deputat Nazzjonalista qal li f’Malta ma nstabitx soluzzjoni biex jinqered il-faqar anki għaliex il-faqar jintiret iżda jidher li mhux ikunu indirizzati l-problemi ewlenin.
Hu qal li kien tajjeb li l-gvern daħħal iċ-Child Care Centres b’xejn iżda hemm abbuż minn dawk li għandhom ġid eċċessiv b’konsegewenza li dawn qed iġibu problemi fuq in-nies vulnerabbli. Ivan Bartolo kompla li l-persuni vulnerabbi qed ikollhom iħallsu għal spejjeż addizzjonali fuq prodotti li jixtru.
Id-deputat Ivan Bartolo qal li hawn tfal penalizzati sempliċiment għaliex twieldu fil-faqar u żied li l-edukazzjoni hi aspett fundamentali biex jingħelbu l-iżvantaġġi.
Ivan Bartolo sostna li l-Ursolini huma xempju ta’ kif il-faqar ikun indirizzat u kompla li t-tama għall-futur fil-fatt qed tinqered fost il-persuni vulnerabbli. Id-deputat Nazzjonalista qal li lanqas hawn miżuri biex familji jrabbu l-annimali proprju meta dawn jgħinu lill-persuni biex joħorġu mis-solitudni. Il-foqra qed isibu postijiet b’kirjiet baxxi fejn it-tfal jkollhom jiġru minn skola għall-oħra minħabba problemi soċjali. Dan iwassal għal inqas opportunitajiet għall-istess tfal.
Hu appella biex dawn il-persuni vulnerabbli jkunu trattati b’dinjità u kkritika d-diskriminazzjoni li qed issir kontra l-foqra li saru jingħarfu minn sidien tal-kirjiet, minn uffiċjali ta’ awtoritajiet u anki fl-iskejjel. Dan hu ċirku vizzjuż li għandu jitwaqqaf, iżda biex dan isir hemm bżonn rieda politika. Hu fakkar li fl-2013 il-Partit Laburista kien wiegħed li se jeradika l-faqar iżda din il-wiegħda ma saritx.
Ivan Bartolo semma’ diversi inizjattivi ta’ tnaqqis ta’ taxxi u inizjattivi soċjali anki fil-pensjonijiet biex in-nies foqra jkunu megħjuna. Kull gvern għandu obbligu li jnaqqas il-faqar, sostna Ivan Bartolo, li qal li l-korruzzjoni hi l-għadu komuni ta’ kulħadd, inkluż tal-foqra.
Il-faqar hu dovut għaliex il-gvernijiet fallew, sostna Ivan Bartolo.
//= $special ?>