Carm Mifsud Bonnici, PN
Ix-Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem Carm Mifsud Bonnici qal fil-Parlament li l-pulizija japprezzaw u jippreferu li jkollhom iktar dinjità, rispett u sens ta’ kburija bħala membri tal-Korp tal-Pulizija.
Id-deputat Nazzjonalista qal li kull pajjiż għandu bżonn pulizija dejjem aġġornati u preparati, u għalhekk il-pajjiż għandu jipprovdi l-aqwa protezzjoni kontra l-kriminalità organizzata.
Il-pulizija jgħaddu mill-iktar mumenti diffiċli fis-soċjetà Maltija, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li hawn zoni fil-pajjiż li mhux faċli tkun stabbilità l-ordni anki minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni fil-pajjiż.
Carm Mifsud Bonnici sostna li kull gvern jipprova jassigura li l-pulizija jkollhom l-aqwa protezzjoni u li kull gvern jibni fuq dak li jkun sar qabel. Ma jistax isir avvanz fis-soċjetà jekk ma jkunx hemm esperjenza preċedenti. Hu qal li meta kien ministru responsabbli, kienu jitressqu abbozzi biex il-ħajja tal-pulizija tkun aħjar u titnaqqas id-delinkwenza organizzata.
Fl-2014, saret emenda fil-Kodiċi Kriminali li fihom ittieħdet l-istess linja ta’ żmien Gvern Nazzjonalista iżda bid-differenza li ma daħlux artikli li kien daħħal Gvern Nazzjonalista dwar attakki fuq il-pulizija biex ma jingħatawx sentenza sospiża u probation. Illum hu evidenti li l-Gvern Nazzjonalista ma kienx ‘il bogħod minn dak li kellu jsir.
Carm Mifsud Bonnici qal li l-proporzjonalità għandha tinżamm fir-rigward tal-pieni u sostna li l-uffiċjali pubbliċi kollha għandhom ikunu protetti. Hu kompla li għandu jkun ikkunsidrat ukoll li jkun hemm titlu separat għall-korpi dixxiplinati.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li din hi emenda li tolqot lil-uffiċjali pubbliċi bla ma qed issir distinzjoni. Hu sostna li l-Korp tal-Pulizija għandu bżonn ferm iktar riżorsi minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni u fl-isfidi.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-Pulizija tal-Komunità u qal li hemm bżonn iktar ħidma dwar kif l-għases, il-Pulizija tal-Komunità u t-taqsimiet tal-pulizija biex jikkordinaw flimkien. Dwar il-vjolenza domestika, id-deputat Nazzjonalista qal li l-Pulizija llum mhijiex tieħu sogru u qed jipproċedu fil-Qorti bil-konsegwenza li hemm każi li fihom qed jogħla wisq il-livell ta’ allarm. Jeħtieġ mekkaniżmu aħjar dwar kif il-każi gravi jkunu indirizzati waqt li l-Qrati Maltin ma jimtlewx b’każi ta’ vjolenza domestika.
Carm Mifsud Bonnici qal li r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta għandhom ikunu implimentati u appella biex jittieħdu l-elezzjonijiet għall-futur. Jeħtieġ li l-Korp tal-Pulizija jkollu l-istabbiltà neċessarja u jkun hemm iktar dixxiplina interna u taħriġ, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-uniformi li kellhom il-pulizija kienet ferm aktar dinjituża minn dik li għandhom illum.
//= $special ?>