Illum jaħbat is-seba’ anniversarju mill-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalista li ħallset l-ogħla prezz għax-xogħol tagħha. Ninsabu ‘l bogħod mill-ġustizzja sħiħa. Apparti li jassigura li kulħadd responsabbli mill-qtil jitressaq quddiem il-ġustizzja, il-fallimenti sistemiċi li wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia irid jiġi indirizzat.
Dawn jista’ biss jibdew jiġu indirizzati meta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar
il-qtil tagħha jiġu implimentati bis-sħiħ. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal ukoll li s-seba’ anniversarju mill-qtil tagħha jasal fi żmien meta ġurnalisti u id-dritt għal-libertà tal-espressjoni qed jiġu żarmati.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal fl-okkażjoni tas-seba’ anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li aktar kmieni din is-sena, sezzjonijiet tal-istampa ġew attakkati direttament u akkużati b’mod inġust li jaħdmu għalihom l-hekk imsejjaħ “Establishment”. Aktar reċentement, attivisti Laburisti influwenti issuġġerixxew ir-ritorn tal-libell kriminali.
Intant, ordni tal-Qorti dwar id-diskussjoni fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia tfisser ġurnalisti u edituri jridu jqattgħu dan l-anniversarju bil-biża’ ta’ azzjoni fil-Qorti f’każ xi kitbiet jew dikjarazzjonijiet jiksru din l-ordni.
Il-mument li nibdew niddubitaw id-drittijiet tagħna huwa l-mument li l-arloġġ jibda jdur lura. Meta nwarrbu dawn id-drittijiet u responsabbiltajiet, nirriskjaw li nrawmu klima ta’ impunità – l-istess klima li wasslet għal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’dan is-seba’ anniversarju, l-IĠM iħeġġeġ lill-gvern biex jippubblika l-White Paper li kien imwiegħed b’riformi proposti biex tissaħħaħ il-libertà ta’ espressjoni u joffru aktar protezzjoni lill-ġurnalisti. “Inħeġġu wkoll lill- gvern biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha mill-inkjesta pubblika. Fl-aħħar mill-aħħar, l-IĠM iħeġġeġ li l-ġurnalisti jiġu trattati b’aktar rispett u li l-libertà tal-espressjoni tingħata l-protezzjoni tagħha kif jixirqilha”.