It-Teatru Manoel jilqa’ lura lil Nico Darmanin fit-teatru għal ‘An Evening of Operatic Arias’ nhar il-Ġimgħa 25 u s-Sibt 26 ta’ Ottubru 2024.
Dawk kollha li jħobbu l-opera u l-mużika klassika se jitpaxxew jisimgħu lit-tenur rinomat Malti, Nico Darmanin, flimkien mas-soprano Elena Brazhyk u l-pjanista Adrian Kelly. Dan it-trio se jkun qed itella’ għażla mill-aqwa ta’ arias tal-opera fi programm li jinkludi xogħlijiet ta’ kompożituri rinomati bħalma huma Gioachino Rossini u Gaetano Donizetti fost l-oħrajn.
Sa mid-debutt tiegħu fir-Royal Opera House fl-2013 f’Les Vepres Siciliennes taħt Pappano, Nico Darmanin stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-esponenti ewlenin tar-repertorju bel canto fuq livell internazzjonali. Il-karriera tiegħu ħaditu mal-erbat irjieħ tad-dinja, mill-Iskozja sal-Estonja għall-pajjiżi oħra, u ħa sehem ukoll f’rappreżentazzjonijiet fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Il-proġetti futuri tiegħu jinkludu impenji ma’ Glyndebourne, id-debutt tiegħu fit-Teatro Regio f’Turin, u rappreżentazzjoni u recording ta’ Bertin’s Fausto ma’ Theatre Champs Elysee. Hu jinsab tassew kuntent li se jerġa’ jirritorna fit-Teatru Manoel, fil-Belt Valletta f’Ottubru.
Elena Brazhnyk, hija artista promettenti fid-dinja tal-opera. Fl-2016, hi ddebuttat fl-Opera Nazzjonali Estonjana bi rwol ta’ Gilda fir-‘Rigoletto’ ta’ Verdi u sa minn Lulju 2022 kienet solista tal-Opera Nazzjonali Estonjana. Maestro Adrian Kelly, li se jkun qed jakkumpanja lill-kantanti fuq il-pjanu, huwa d-direttur artistiku ta’ Buxton International Festival u l-Maestro mistieden prinċipali ta’ Salzburger Landestheater, fejn qabel kien id-Direttur Mużikali.
‘An Evening of Operatic Arias’ twiegħed serata ta’ faxxinu mhux biss għal dawk li jħobbu l-opera imma anke għal dawk li qed ifittxu introduzzjoni għad-dinja tal-opera.
//= $special ?>