Lokali

Jinxtered il-filmat mill-bodycam tal-Pulizija

Ħareġ fil-pubbliku filmat ġdid li juri angolu differenti tal-famuża aggressjoni li seħħet fuq żewġ uffiċjali tal-Pulizija fil-Ħamrun – filmat li ċċirkola online bħal leħħa ta’ berqa u li juri dak li ġibdet waħda mill-bodycams li intweriet fil-Qorti.

Il-filmat għandu 25 sekonda bla audio. U s-sound jibda minn dan il-punt.

Il-bodycam hija tal-kuntistabbli Clive Mallia. U fil-filmati jidhru l-aħwa Elton u Kurt Borg.

Għal ħin twil, il-filmat stess juri li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll. Bil-kuntistabbli jinstema’ darbtejn jgħid lil wieħed mill-aħwa “kemm int avukat tajjeb”.

L-istess Pulizija jinstema’ jgħid lill-aħwa biex ma jmissuhx, wara li dawn – kif ordnalhom hu – fetħulu l-bagoll tal-karozza li kienet ipparkjata ħażin fi Strada Rjali.

Imbagħad, l-aħwa u mara li kienet preżenti jinstemgħu jgħidu lill-kuntistabbli li hemm tliet persuni xhieda għall-mod kif kienu qed jiġu mitkellma.

Hawn, in-nies involuti spiċċaw fl-idejn. U l-filmat jieqaf ħesrem.

Dwar dan il-każ għaddejjin proċeduri fil-Qorti.