Internazzjonali

L-Ukrajna: Preżentata ‘pjan tar-rebħa’….iżda l-intoppi tal-gwerra ma naqsux għal Zelensky

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky ippreżenta lill-Parlament fi Kiev b’dak li hu qed ifisser bħala ‘il-pjan għar-rebħa fil-gwerra mar-Russja….Pjan li jinkludi l-istrateġiji biex l-Ukrajna żżid fis-saħħa militari sal-punt fejn tkun f’pożizzjoni biex ittemm dan il-konflitt li ilu għaddej minn Frar tal-2022.

Zelensky informa lill-Parlament li l-pjan ‘kapaċi jwassal għall-konklużjoni tal-gwerra’, bl-elementi ewlenin ta’ dan il-pjan jinkludu anki stedina formali biex l-Ukrajna ssir parti mill-Alleanza tan-NATO.

Punti oħrajn elenkati jinvolvu’il-permess’ tal-pajjiżi alleati tal-Ukrajna biex il-qawwiet ta’ Zelensky jisparaw il-missili għal fuq id-distanzi twal lejn ir-Russja — u bil-President Ukren jagħmilha ċara li pajjiżu mhux se jċedi mqar parti mill-artijiet tiegħu lill-Kremlin ta’ Moska.

Dan meta l-militar Ukren qed ikompli bl-inkursjonijiet fir-reġjun ta’ Kursk, fir-Russja, b’din is-sitwazzjoni kapaċi tipperswadi lir-Russja biex , ‘il quddiem, tibgħat ir-rappreżentanti tagħha madwar il-mejda tan-negozjati.

Madankollu, ir-Russja, ma tilfitx żmien biex tiċħad għal din il-possibbiltà waqt li wieġbet li l-Ukrajna għandha tirrrealizza li l-pjan mgħandux ċans li jirnexxi.

Sadanittant, Zelensky, waqt id-diskors lid-deputati fi Kiev, ikkritika liċ-Ċina, lill-Iran u lill-Korea ta’ Fuq għall-appoġġ kontinwu li huma qegħdin jagħtu lir-Russja — filwaqt li rrefera għalihom bħala ‘koalizzjoni ta’ kriminali’.

Fl-istess ħin, il-Mexxej Ukren qed jaħseb ukoll biex  jippreżenta dan il-pjan waqt is-summit tal-Unjoni Ewropea li jsir għada l-Ħamis fi Brussell fil-Belġju.

Id-diskors ta’ Zelensky kien fost l-aktar emozzjonali għal xhur u fejn hu enfasizza li pajjiżu jinsab fi gwerra mar-Russja  ‘li hi aktar minn waħda sempliċiment konvenzjonali għaliex qed taffettwa wkoll lir-relazzjonijiet internazzjonali, l-aspetti tal-ekonomija, l-isfera tal-informazzjoni u partikularment il-qlub tan-nies.’

Intant, il-pjan ta’ Zelensky kien preżentat diġà lill-President Amerikan Joe Biden, kif ukoll lil Kamala Harris u Donald Trump – iż-żewġ sfidanti għall-White House li x-xahar id-dieħel jikkuntestaw l-elezzjoni għat-Tmexxija tal-Istati Uniti.

Is-sitwazzjoni, sadanittant, tibqa’ diffikultuża għall-Ukrajna li qed tiffaċċja kontinwament il-qilla tal-attakki u bumbardamenti min-naħa tal-qawwiet Russi – biċ-ċifri tal-maqtula qegħdin  jitilgħu minn ġurnata għall-oħra.

Fl-istess ħin, numru ta’ osservaturi jemmnu li kwalunkwe ftehim għall-paċi potenzjali għandu jinkludi l-kundizzjoni li l-Ukrajna ċċedi xi territorju bi skambju mal-garanziji ta’ sigurtà.

Madankollu, il-President Zelensky għadu konvint li l-Ukrajna kapaċi tirbaħ il-gwerra mingħajr ma tumilja ruħha b’dan il-mod u, waqt id-diskors, ma wera l-ebda rieda għal kompromess li jinvolvi t-telf  ta’ aktar artijiet għal pajjiżu.

Dan ukoll meta Zelensky jemmen li t-tisħiħ tal-Armata tiegħu u ż-żieda fil-kwalità tal-armamenti għad-dispożizzjoni tagħha għandhom, flimkien, iwasslu għal proċess ta’ irtirar eventwali tal-qawwiet Russi minn pajjiżu.