Internazzjonali

Libanu: Maqtula waqt laqgħa tal-kunsill…fost il-kundanna għar-‘reati ta’ Iżrael’

L-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, wettqu numru ta’ attakki kooordinati fuqa l-inħawi ta’ Nabatieh fin-nofsinar tal-Libanu u fejn inqatlu talanqas sitta, inkluż is-Sindku, li kienu preżenti għal laqgħa tal-kunsill muniċipali.

L-attakki – waqt li l-Iżraeljani qed jikkumbattu lill-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah – qanqlu kundanna bla riservi min-naħa tal-Gvern tal-Libanu. Dan waqt li l-Prim Ministru Lebnaniż, Najib Mikati, sostna li l-ajruplani kienu miraw speċifikament għas-sit fejn il-kunsill kien qed jiltaqa’ bħala parti mill-impenji għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet waqt sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

Iżrael, sadanittant, ċaħad li l-qtil tas-Sindku u l-kollegi kien intenzjali waqt li saħaq li fl-attakki ntlaqtu l-għexieren tal-miri u ċ-ċentri li l-Ħeżbollah kienu qed jużaw għall-operat tagħhom.

Madankollu, il-Prim Ministru Mikati insista li l-aggressjoni fuq Nabatieh seħħet wara l-ħafna reati tal-Iżraeljani kontra ċ-ċivili innoċenti fil-Libanu – u fejn hu anki kkundanna lill-komunità internazzjonali li, fi kliemu, żammet siekta dwar ‘il-persistenza ta’ Iżrael biex ikompli b’dawn ir-reati fuq poplu innoċenti’. Mikati qal li mhux jistenna soluzzjoni ta’ malajr waqt li kritika l-fatt li l-pajjiżi td-dinja mhumiex kapaċi jrażżnu din il-politika sfaċċata ta’ aggressjoni min-naħa ta’ Iżrael.

Il-maqtula l-oħra fl-attakki fuq Nabatieh kienu kollha identifikati bħala membri tal-istaff tal-muniċipalità tal-belt – u meta l-ammont tal-vittmi kien kapaċi jitla’ waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed ifittxu għall-katavri qalb ir-radam tal-bini. Dan meta l-maġġoranza tar-residenti ta’ Nabatieh diġà ħarġu mill-inħawi minħabba l-potenzjal għal aktar attakki mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani.

Ir-rejds fuq il-Ħeżbollah f’Nabatieh seħħew ukoll wara li l-qawwiet Iżraeljani attakkaw mill-ġdid lil Bejrut, il-kapitali tal-Libanu, fl-ewwel azzjoni ta’ din ix-xorta għal ħamest ijiem. L-Iżraeljani qalu li l-attakki kienu mirati għad-depots tal-armamenti strateġiċi tal-Ħeżbollah li qed jinżammu taħt l-art.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, fil-bidu tal-ġimgħa, wissa li Iżrael – minkejja l-pawża ta’ ġranet — kellu mill-ġdid iwettaq l-attakki fuq il-Ħeżbollah f’Bejrut. Dan jindika wkoll li l-ftehim rappurtat bejn Netanyahu u l-Istati Uniti biex l-attakki ma jkomplux kien validu biss għal kwistjoni ta’ ġranet.

L-osservaturi jemmnu wkoll li Iżrael qed jissokta bl-attakki fuq Bejrut bħala sfida lill-Istati Uniti li ilha twettaq il-pressjoni biex l-azzjonijiet ma jkomplux fuq il-qalba tal-kapitali Lebaniża. Fil-fatt, l-Istati Uniti qalet biċ-ċar li hi qed topponi ‘l-iskop u n-natura’ tal-bumbardamenti li l-Iżraeljani qed jikkonċentraw fuq din il-belt prinċipali.

Dan ukoll meta Matthew Miller, bħala l-Kelliem għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, qal li l-Istati Uniti esprimiet it-tħassib mal-Prim Minsitru Netanyahu filwaqt li ‘iċċarat l-inkwiet tagħha mal-Gvern Iżraeljan’.

Fl-istess ħin, il-qawwiet tal-ajru tal-Iżraeljani attakkaw ukoll l-inħawi ta’ Qana, viċin ta’ Ture, fin-Nofsnar tal-Libanu – u bir-riżultat li mietu xi nies, b’għexieren jisfaw feruti. Ma kienx magħruf kemm minn dawn il-vittmi kienu milizji Xiti u ċivili residenti fl-inħawi.