Lokali

“Nibqgħu nistinkaw għall-ġustizzja u l-verità” – folla kbira ssellem il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia

“Daphne kienet taħdem fis-silenzju ta’ darha, mingħajr pompi u pretensjonijiet. ‘Il bogħod mill-għajn, kameras u mikrofoni – minkejja li kien stil li mhux kulħadd kien jaqbel magħha – kulħadd kien jieqaf biex jara x’inhi tgħid minn dik il-kamra li bil-pinna tagħha kienet taqleb id-dinja tagħna ta’ taħt fuq.”

Sostniet dan il-President tal-Għaqda Repubblike Vicky Ann Cremona fejn matul il-velja li saret fil-Belt Valletta f’okkażżjoni tas-7 snin minn meta Daphne Caruana Galizia kienet assassinata quddiem darha stess f’karozza bomba, Cremona saħqet li l-ġurnalista kienet tnewwel direzzjoni lill-politiċi kif għandhom iġibu ruħhom, u tagħti direzzjoni lill-poplu dwar kif għandna dejjem infittxu l-verità.

Hija saħqet li Daphne kienet leader naturali – li kienet taħdem fil-kwiet iżda aktar importanti fl-onestà. Filwaqt li temmet tgħid dwar l-importanza li Daphne Caruana Galizia ma tintesa qatt.

Fi Pjazza l-Assedju l-Kbir tkellem ukoll Manuel Delia fejn saħaq li għaddew seba’ snin mill-qtil ta’ Daphne u xorta waħda ma kinux biżżejjed biex issir ġustizzja magħha, ma kinux biżżejjed biex il-korruzzjoni titrazzan u li dawk li wettquha jħallsu ta’ egħmilhom.

Huwa sostna li ma Daphne għadha ma saritx ġustizzja u li l-impenn ta’ kull wieħed u waħda minnha għandu jun li l-verità toħroġ kollha kemm hi minkejja l-ostakli kollha.

Pia Zammit mill-għaqda Occupy Justice sostniet li l-korruzzjoni tieqaf meta l-poplu ma jibqax kompjaċenti, meta jieqaf għall-inġustizzji.

Hija saħqet li dawk kollha li mingħalihom setgħu jbiddlu l-andament tal-istorja, li setgħu inessu l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia marru żball għaliex il-memorja tagħha tibqa’ tissaħħaħ – u li xejn ma huwa se iwaqqaf liċ-ċittadini sakemm Daphne tikseb ġustizzja.

Indirizzat l-velja l-attivitsta Alessandra Dee Crespo hekk kif saħqet li l-ġlieda favur il-verità u d-demokrazija għadha ħajja daqs seba’ snin ilu għaliex il-kuxjenza ma taħllikx tagħmel mod ieħor.

Hija sostniet li mhux se jaqtgħu qalbhom u minkejja d-diffikultajiet kbar li ta’ kuljum jaffaċċjaw se jwasslu għal bidla.

Preżenti kien hemm ukoll Marcella Militello minn Chance Network fejn saħqet li l-Erbgħa filgħaxija ngħaqdu biex dak li ġara 7 snin ilu ma jintesa qatt – u l-appell favur il-verità u l-ġustizzja jibqa’ f’vuċi waħda u soda.

Hija insistiet li huwa d-dmir tal-Istat li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu u jagħti garanzija għal-libertà tal-espressjoni.

Finalment indirizza l-velja Tiberio Bentivoglio, ħaddiem minn Reggio Calabria deskritt f’pajjiżu bħala vittma tal-Mafja – li spiċċa bit-theddid fuq ħajtu għaliex ma baxxiex rasu għal Mafja Taljan tal-‘Ndrangheta – theddid li waslu f’realtà wara li sparawlu 6 tiri t’arma tan-nar f’dahru iżda fortunatament salva.

Huwa saħaq li Daphne Caruana Galizia spiċċat assasinata allegatament għax-xogħol tagħha għax riedet tikxef il-verità u għalhekk wassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ biex dawk li verament għandhom għal qalbhom id-demokrazija u l-ġustizzja ma jibżgħux isemmgħu leħinhom għax il-vittmi mhux dawk li jiġu mhedda u jinqatlu mill-mafja, iżda dawk li jbaxxu rashom għal kriminalità organizzata u jirrassenjaw ruħhom għal ħajja servili u kriminali.

Huwa temm jgħid li l-indifferenza hija l-aktar marda kiefra li tista’ taħkem soċjetà u pajjiż.

Il-velja ngħtat bidu għall-ħabta tas-1930 ta’ filgħaxija wara mixja mill-Knisja ta’ San Franġisk hekk kif kienet ċelebrata quddiesa b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jattendi għal velja fost oħrajn kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ukoll ma diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino.