Preżentatur tal-casino online u li huwa Ungeriż, inżamm arrestat wara li ġie akkużat li allegatament rabat lill-eks sieħba tiegħu u ġegħelha twettaq atti sesswali. Ir-raġel, li ismu mhux qed jiġi ppubblikat minħabba ordni tal-Qorti, ġie mixli bi stupru, li żamm lill-mara kontra r-rieda tagħha, u li ġegħelha tibża’ li se tintuża vjolenza kontriha.
Huwa kien akkużat ukoll li kkunsma l-kannabis fil-preżenza tat-tifel ta’ tliet snin tal-eks koppja. L-Ispettur Wayne Buhagiar qal lill-Qorti li fl-14 ta’ Ottubru għall-ħabta tas-1:30pm, l-uffiċjali li kienu qed jaħdmu fil-Qawra ġew avviċinati minn mara li titlob l-għajnuna, fejn sostniet li kienet ġiet stuprata mill-eks sieħeb tagħha.
Il-Pulizija ħaduha l-għassa tal-Qawra, fejn ġie sottomess rapport formali. L-ispettur qal lill-Qorti li l-mara kienet iddikjarat li hi u l-eks sieħeb tagħha kellhom argument jaħraq il-ġurnata ta’ qabel. Il-mara kienet raqdet fl-istess sodda ta’ binha biex tevita aktar inċidenti.
Hija rrifjutat li toħroġ mill-kamra meta mitluba mill-imputat għax kienet qed tibża’, iżda eventwalment kellha toħroġ, qal l-ispettur. L-imputat allegatament ġegħelha tmur miegħu fil-kamra tal-banju, fejn rabtilha jdejha flimkien u ġegħelha tagħmel sess orali fuqu, filwaqt li injora r-reżistenza tagħha.
Sussegwentement il-Pulizija sabet il-provi rilevanti fuq il-ħwejjeġ li kienet liebsa l-mara. Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-Avukat Yanika Bugeja, li assistiet lill-imputat bħala avukat tal-għajnuna legali, talbet il-ħelsien mill-arrest u qalet lill-Qorti li fl-istadju tal-investigazzjoni, l-imputat ma ngħatatx closure dwar l-akkuża ta’ pusses ta’ cannabis u għalhekk ma setgħetx tavża lill-klijent tagħha dwar dan.
Minkejja dan xorta waħda kien mistoqsi dwarha waqt l-interrogazzjoni, qalet l-avukat. Fil-kontro-argumenti tagħha, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-akkużat ma kellu l-ebda rabtiet ma’ Malta, u enfasizzat il-gravità tas-sitwazzjoni u l-akkużi, kif ukoll ir-riskju li jbagħbas l-evidenza.
L-Avukat Bugeja stqarret li l-akkużat kien ilu Malta sitt snin, kellu impjieg full-time Malta u indirizz fiss. “Għandu wkoll tifel jgħix Malta. Jekk dik mhix rabta mal-gżejjer, ma nafx x’inhu.” Il-prosekuzzjoni sostniet li għalkemm l-imputat kien ilu jgħix Malta għal tmien snin, ir-rabtiet li kien stabbilixxa bilkemm kienu tanġibbli minħabba li kien fuq barra mill-gżira matul dan il-perjodu.
Għalkemm id-difiża argumentat li kellu tifel, il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li l-akkużat kien qed jhedded li se jaħtaf it-tifel u jirritorna l-Ungerija. Wara li semgħet id-difiża u l-prosekuzzjoni, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Gatt, f’dan l-istadju ċaħad il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li nnotat li ma kienx assigurat li l-imputat se jimxi ma’ xi kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja, iżda ħeġġeġ lill-prosekuzzjoni biex tressaq lill-vittmi biex jixhdu mingħajr dewmien.
Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara, li rrestrinġiet il-kapaċità tal-akkużat li jikkomunika magħha. Il-prosekuzzjoni sostniet ukoll li t-tifel għandu jingħata wkoll ordni ta’ protezzjoni, madankollu wara li l-avukat difensur oġġezzjona għal dan minħabba l-età żgħira tat-tifel, il-Qorti ċaħdet din it-talba.
L-Avukat Yanika Bugeja kienet l-avukat difensur. L-Avukat Darlene Grima rrappreżentat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>