It-Tnejn 16 ta’ Ottubru, 2017.
Kien ftit wara t-tokki tat-tlieta ta’ waranofsinhar li bdiet tiġri l-aħbar li ħasdet pajjiż, u sammret nazzjon – il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata wara li tpoġġiet bomba mal-karozza li kienet qed issuq. Splużjoni li seħħet ftit ‘il bogħod mir-residenza tagħha, fil-Bidnija.
L-Erbgħa waranofsinhar, sar silent gathering fil-Bidnija… fejn preżenti kien hemm il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, numru ta’ attivisti, u anke ambaxxaturi. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u s-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea.
Għal bosta, Daphne Caruana Galizia kienet biss l-id wara l-pinna tal-blog Running Commentary – tikteb fuq varjetà ta’ temi, b’mod mill-aktar partikolari ġurnaliżmu investigattiv dwar l-iskandli tal-Gvern tal-ġurnata mmexxi mill-Eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat.
Iżda hi kienet aktar minn hekk – Daphne kienet bint, omm, ħabiba, u kollega – il-pinna tagħha kienet tvarja mix-xogħol investigattiv għall-arti, il-kultura u saħansitra t-tisjir.
Il-qtil makabru ta’ Daphne Caruana Galizia, fl-età ta’ 53 sena, heżżeż mhux biss lill-pajjiżna iżda wkoll ħalla marka madwar id-dinja. Il-kitba tal-ġurnalista kienet tintlaqa’ minn tifħir iżda wkoll minn kritika, li xi minn daqqiet kienet twassal ukoll għal biża’ – biża’ li waslet għall-qtil tagħha.
Assassinju li xpruna moviment kontra l-mibegħda u favur il-libertà tal-espressjoni, favur il-protezzjoni tal-ġurnalist, favur bidla fil-mentalità.
Minkejja kollox, minkejja sejħa u għajta soda ta’ poplu – għadna qed nistenew li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jiġu esegwiti.
Minkejja d-diskors frivolu u retorika politika ta’ Gvern Laburista – fix-xhur u l-jiem li għaddew il-Prim Ministru xorta attakka mhux biss lil uħud mill-ġurnalisti billi implika li huma konfoffa mal-babaw tal-establishment, iżda saħansitra immina l-kredibbiltà ta’ membri mill-ġudikatura… għas-sempliċi raġuni li mexxew fil-konfront ta’ Joseph Muscat u l-Eks Ministri Chris Fearne, Konrad Mizzi u Edward Scicluna fost oħrajn.
B’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia waslet l-ammissjoni tal-aħwa Alfred u George Degiorgio flimkien ukoll ma’ Vince Muscat li ammettew li kienu huma l-eżekuturi. Madanakollu, illum, 7 snin wara – għadna ma nafux min kien jew kienu l-moħħ wara dan l-att makabru, u aktar minn hekk x’kienet ir-raġuni wara din il-brutalità.
Intant, fi stqarrija, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin appella biex il-ġurnalisti jiġu trattati b’aktar rispett. Dan filwaqt li appella lill-Gvern biex jippubblika l-White Paper li ilha żmien twil fuq l-ixkaffa… bi proposti u riformi li għadhom ma sarux.
L-istess pressjoni qed issir mill-PN, li insista mal-Gvern biex jippubblika din il-White Paper dwar ir-riforma meħtieġa fil-liġijiet tal-midja u l-informazzjoni f’Malta, li ilu aktar minn sena jwiegħed li se jippubblikaha.
//= $special ?>