Lokali

Seba’ snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Illum qed jitfakkar anniversarju ikrah fl-istorja ta’ pajjiżna – is-seba’ sena mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kienet ġiet assassinata permezz ta’ bomba li tpoġġiet ma’ karozza.

Il-qtil kien seħħ ftit metri bogħod mir-residenza tagħha, fil-Bidnija.

L-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice qed ifakkru dan l-anniversarju permezz ta’ sensiela ta’ avvenimenti.

Aktar tard illum – il-ħin u l-post fejn seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – l-attivisti se jinġabru biex isellmu l-memorja ta’ din il-ġurnalista li bil-kitbiet tagħha kixfet diversi skandli. Magħhom jingħaqdu wkoll membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Filgħaxija, mbagħad, issir dimostrazzjoni fil-Belt Valletta li tibda biswit il-Parlament u tispiċċa b’velja fi Pjazza Assedju l-Kbir.

Għall-velja se jattendu Françoise Laborde, ġurnalista prominenti tat-televiżjoni Franċiża u attivista għad-drittijiet tan-nisa u l-minoranzi, u Tiberio Bentivoglio, negozjant Taljan li rrifjuta li jikkollabora mal-mafja u li jaħdem kontra l-kriminalità organizzata.