Lokali

Seba’ snin wara… għadna nfittxu l-verità u l-ġustizzja

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, f’pajjiżna għadha tirrenja l-klima ta’ xejn mhu xejn li wasslet għall-assassinju tagħha

Seba’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lin-nies ta’ rieda tajba sabiex b’mod kollettiv nibqgħu naħdmu biex issir magħrufa l-verità kollha u ssir ġustizzja mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-PN qal fi stqarrija li huwa skandaluż li l-Gvern qed jibqa’ jsostni l-istess klima ta’ xejn mhu xejn li wasslet biex seta’ jitwettaq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li t-tliet imħallfin li għamlu l-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia stqarrew hekk fir-rapport tagħhom:

“Il-Bord huwa sodisfatt, u l-indikaturi huma kollha f’din id-direzzjoni, illi għalkemm il-movent mhux sal-lum bi preċiżjoni stabbilit, ma hemm xejn x’jindika li l-assassinju ma seħħx għal raġunijiet direttament marbuta mal-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel is-Sinjura Caruana Galizia fuq allegazzjonijiet serji ta’ amministrazzjoni pubblika ħażina, ta’ abbuż ta’ poter u korruzzjoni, fi sfond ta’ rabtiet mill-qrib u dubjużi bejn il-politika, in-negozju kbir u l-kriminalità organizzata….”

Waqt li għadu jkaxkar saqajh biex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-inkjesta, f’kull okkażjoni l-Gvern Laburista għamel minn kollox biex inessi l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u l-investigazzjonijiet tagħha. Bl-istess attitudni negattiva, il-Gvern, b’fuq quddiem nett Robert Abela u Joseph Muscat, qegħdin jibqgħu jattakkaw lil kull min qed jibqa’ jistinka biex issir magħrufa l-verità u ssir ġustizzja, fosthom l-Imħalfin u l-Maġistrati, il-PN u l-attivisti tas-soċjetà ċivili.

Kulħadd jaf li pajjiżna huwa mmexxi minn Gvern mifni bil-korruzzjoni u li ma tgħallem assolutament xejn mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minkejja li nbidel il-Prim Ministru, xorta waħda pajjiżna baqa’ bl-istess abbużi ta’ poter, korruzzjoni u skandli oħra li issa saru l-ordni tal-ġurnata.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-Gvern:

  • jimplimenta minnufih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika li sabitu ħati li ħoloq atmosfera ta’ xejn mhu xejn li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia
  • jippubblika l-White Paper dwar ir-riforma meħtieġa fil-liġijiet tal-midja u l-informazzjoni f’Malta, li ilu aktar minn sena jwiegħed li se jippubblikaha
  • jirtira u jħassar il-pjani li għandu l-Ministru tal-Ġustizzja biex idaħħal mill-ġdid il-liġi tal-libell kriminali biex ġurnalisti u dawk li jesprimu ruħhom ikunu jistgħu jintbagħtu l-ħabs.

Huwa ċar li jgħaddi kemm jgħaddi żmien, il-Gvern ma tgħallem xejn mill-esperjenzi koroh li għadda u għadu qed jgħaddi minnhom pajjiżna, ewlieni fosthom il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bħal-lum seba’ snin ilu.