Lokali

Wirja ta’ muturi storiċi

Il-Historic Motorcycle Club – Malta ser ikun qiegħed itella’ wirja ta’ muturi storiċi fil-Mużew tal-Avjazzjoni f’Ta’ Qali, nhar is-Sibt 19 u l-Ħadd 20 ta’ Ottubru. F’din il-wirja ser ikunu qed jiġu esebiti muturi tal-membri tal-għaqda, u li ġew immanifatturati qabel l-1986 (sal-1985).

Din is-sena l-klabb jagħlaq 35 sena, u b’hekk qed issir ħidma akbar sabiex tittella’ din il-wirja. Il-pubbliku jista’ jammira dawn il-muturi f’ambjent adattat qalb ajruplani storiċi, li jżewqu aktar l-atmosfera. F’każ ta’ xita, l-attività ser tipproċedi b’mod normali, hekk kif l-esebizzjoni ser issir fuq ġewwa, fil-kenn.

Il-kumitat tal-klabb jixtieq iħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi din l-attività. Id-dħul għal din l-attività huwa ta’ €5, filwaqt li t-tfal jidħlu b’xejn.