Żagħżugħ li tefa’ l-kokaina mit-tieqa tal-karozza tiegħu u mbagħad ipprova jaħrab lill-Pulizija meta saq b’veloċità qawwija li rriżultat f”car chase’, ingħata “l-aħħar ċans” biex jirriforma ruħu. Mattheas Borg ta’ 20 sena rema’ pakkett li kien fih żewġ grammi kokaina minn tieqa tal-karozza għall-ħabta tas-6pm ta’ nhar it-Tnejn.
Huwa kien intlemaħ minn raġel li kien għaddej bil-mixi fi Triq il-Wied, Birkirkara, li wissa lill-Pulizija li sewwieq kien tefa’ xi ħaġa barra mit-tieqa tal-karozza tiegħu. Fil-Qorti ntqal li żewġ uffiċjali tal-pulizija ġrew wara Borg bil-muturi tagħhom, u segwew il-karozza Honda Fit tiegħu minn zona ta’ Triq il-Wied, faċċata tal-istabbiliment McDonalds, għall-Imsida.
Wieħed mill-uffiċjali kien identifika lis-sewwieq bħala Borg, ħaddiem tal-ħasil tal-karozzi minn Ħal Luqa, u mar jarrestah id-dar tiegħu. Intant, il-pakkett li ntrema’ barra mill-karozza tas-suspettat instab li kien fih żewġ grammi kokaina.
Borg ċaħad li kellu l-kokaina taħt ċirkostanzi li juru li d-droga ma kinitx esklussivament għall-użu personali. Huwa kien akkużat ukoll b’sewqan imprudenti u perikoluż, mingħajr liċenzja tas-sewqan u kopertura tal-assigurazzjoni, ksur volontarju tal-paċi pubblika, li ma obdiex ordnijiet tal-Pulizija u li naqas milli jħares l-ordnijiet tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija li għaddejjin u r-riskju ta’ tbagħbis tal-provi. Madankollu, l-avukat difensur Jacob Magri irrisponda li l-imputat kellu 20 sena, kellu rekord kriminali mhux imċappsa u familja ta’ appoġġ.
Barra minn hekk, l-ammont ta’ droga kien ta’ madwar żewġ grammi. Il-każ aktarx imur quddiem il-Qorti tad-Droga, qal l-avukat. “Sfortunatament Borg jagħmel użu mid-droga,” spjega l-avukat tiegħu, filwaqt li argumenta li l-każ kien wieħed ta’ pussess sempliċi aktar milli aggravat kif imressaq mill-prosekuzzjoni.
Barra minn hekk, l-evidenza kienet ġiet ippreservata fl-inkjesta maġisterjali. Kull min kien għaddej minn fuq ix-xena tal-allegat reat ma kienx magħruf minn Borg. Kwalunkwe persuna oħra li qed tiġi investigata fuq l-istess inċident ma setgħetx tiġi ppreżentata bħala xhud kontra l-akkużat.
Wara li sema’ s-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Joseph Gatt indirizza lill-imputat. “Qed nagħtik ċans. Ħa nagħmilha ċara, jien din li ma nagħmilix daqshekk ta’ spiss. Se nissikka l-kundizzjonijiet tal-pleġġ,” wissieh il-Maġistrat.
Il-libertà proviżorja ngħatat taħt iffirmar ta’ kuljum fl-Għassa tal-Pulizija, depożitu ta’ €3,000, garanzija personali ta’ €6,000 u curfew bejn is-7pm u s-6am. Ir-raġel kellu curfew preċedenti li jibda fil-11pm. “Il-Qorti qed tnaqqas dan. il-libertà personali tiegħek qed tiġi ristretta aktar,” spjega l-Maġistrat, u wissa liż-żagħżugħ biex jirranġa ħajtu.
L-Avukat tal-AĠ Nadia Ciappara u l-Ispettur Joseph Mallia mexxew il-prosekzzjoni. L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri kienu l-avukati difensuri.
//= $special ?>