– Jerome Caruana Cilia, PN
Pajjiżna jeħtieġ diskussjoni aktar serja dwar is-settur tal-crypto-assets, li b’qafas regolatorji b’saħħtu jista’ jattira lejn pajjiżna aktar investiment barrani ta’ livell għoli u joħloq opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għall-ħaddema u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Dan sostnih ix-Shadow Minister Nazzjonalista għall-Ekonomija, l-Intrapriza u s-Servizzi Finanzjarji, Jerome Caruana Cilia, waqt dibattitu fil-Parlament dwar Abbozz ta’ Liġi li jirregola dan is-settur.
Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia spjega kif filwaqt li kien ċar li dan is-settur iġib miegħu ċertu riskji, hemm bżonn ta’ diskussjoni matura, u mhux titli jew slogans li ma jwasslu mkien, dwar kif pajjiżna li jista’ jibbenefika minn settur li qed joffri opportunitajiet ta’ tkabbir filwaqt li jindirizza bil-għaqal ir-riskji li s-settur iġib miegħu.
“Jekk ikun hemm governanza kif suppost, u tiġi adottata a risk-based approach serja kemm mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll minn dawk li qed jaħdmu f’dan is-settur, allura iva dan jista’ joħloq aktar xogħol ta’ kwalita”, spjega x-Shadow Minister Jerome Caruana Cilia.
Id-deputat Nazzjonalista esprima l-appoġġ tiegħu għal dan l-Abbozz, li jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ żvelar għall-ħruġ, l-offerta lill-pubbliku u l-ammissjoni ta’ kriptoassi għal pjattaformi ta’ negozjar, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ kriptoassi u l-emittenti ta’ asset-referenced u electronic money tokens, l-operat, l-organizzazzjoni u l-governanza tal-emittenti u tal-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi kif ukoll protezzjoni għad-detenturi ta’ kriptoassi u klijenti tal-fornituri tas-servizz.
Ix-Shadow Minister Nazzjonalista poġġa enfasi qawwi fuq l-importanza tal-ħarsien tal-konsumatur f’dan is-settur delikat. Saħaq fuq l-importanza tal-obbligi li l-liġi tpoġġi fuq il-fornituri kollha tal-kriptoassi, li għandhom jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali fl-aħjar interessi tal-klijenti attwali u potenzjali tagħhom, u li għandhom jipprovdu lill-klijenti b’informazzjoni ġusta, ċara u mhux qarrieqa, filwaqt li dejjem javżawhom dwar ir-riskji involuti.
Id-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia fakkar ukoll fl-importanza li l-kumpaniji u l-persuni li jaħdmu fis-settur tal-kriptoassi jimplimentaw politika u proċeduri biex jipprevjenu kwalunkwe ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew reati oħra.
Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia ġedded l-appell tal-Partit Nazzjonalista biex isir aktar investiment f’setturi ġodda, anke permezz tal-kontribut tal-Oppożizzjoni. “Nerġa’ noffri l-id ta’ ħbiberija tal-Oppożizzjoni biex flimkien insaħħu s-settur tas-servizzi finanzjarji fl-interess tal-ġid komuni, bl-għan li nġibu aktar investiment barrani dirett serju u ta’ livell”, temm jgħid ix-Shadow Minister Nazzjonalista.
//= $special ?>