Lokali

€107,558 f’sena għall-Kummissarju tal-Pulizija

€107,558.

Huwa dan l-ammont li qed jaqla’ bħala pagi f’sena, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Informazzjoni li l-Ministru Byron Camilleri prova jżomm mistura.

L-informazzjoni turi li Angelo Gafà jaqla’ aktar minn €60,000 f’allowances li jinkludu; performance bonus, car allowance, disturbance allowance, police force allowance, expense allowance, communications allowance, training allowance, responsibility allowance u project-base allowance.

Dawn kollha apparti s-salarju bażiku tiegħu ta’ aktar minn €46,000. Bl-ammont totali jkun dak ta’ €107,558 – cioè – kważi €9,000 fix-xahar.

Minkejja din l-informazzjoni – li pprovda hu stess – il-Ministru u l-midja tal-Partit Laburista qed isejħu din l-aħbar bħala ‘fake news’.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kien maħtur mill-Prim Ministru Robert Abela lura fl-2020, għal 4 snin.

U bosta appellaw sabiex il-Kummissarju jinbidel wara numru ta’ skandli li ħatfu lill-pajjiżna u li Gafà baqa’ ċass quddiemhom.

Minkejja dan, il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri ġeddew il-kuntratt ta’ Angelo Gafà għal 4 snin oħra – cioè sal-2028, u issa qed iħallsuh aktar minn €100,000 fis-sena.