Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lid-Deputati tal-Gvern li huma membri tal-Kumitat Permanenti tal-Kamra dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp sabiex jiddikjaraw jekk jaqblux li ssir laqgħa urġenti tal-istess Kumitat.
Din il-laqgħa li ġiet mitluba mid-Deputati tal-PN f’dan il-Kumitat, għandha l-għan li l-Ministru responsabbli mill-Ippjanar jiġi mitlub jidher quddiem il-Kumitat u jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar dak li ġie deċiż mill-Kabinett dwar it-tibdil fil-Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana ta’ Malta u b’mod speċifiku fir-rigward taz-zona tax-Xatt ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.
Fi stqarrija minn Stanley Zammit, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet; u Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Ambjent; intqal li dan qed isir wara li l-Membri tal-Oppożizzjoni fuq l-istess Kumitat ġew infurmati li rulings passati tal-Ispeaker huma ta’ ostaklu biex il-Kumitat jiddiskuti dan is-suġġett importanti. Għalhekk, ġaladarba kif inhu magħruf, il-Kumitat jista’ jiltaqa’ kemm-il darba jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, il-Membri tal-Gvern ġew mitluba jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom.
Il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar m’għandux jibqa’ jinħeba wara l-Awtorità tal-Ippjanar u għandu jkun hu li jispjega x’tibdil qiegħed jiġi propost għall-Pjan Lokali. Fl-istess waqt, il-Membri tal-Gvern f’dan il-Kumitat Parlamentari m’għandhomx jinqdew b’difetti fil-liġi ta’ pajjiżna, biex ma ssirx id-diskussjoni tant meħtieġa fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, il-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li kwalunkwe tibdil propost fil-Pjani Lokali għandu jkun wieħed li jħares tassew l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
//= $special ?>