Il-Korp tal-Pulizija jikkundanna l-pubblikazzjoni tal-filmat mill-bodycam tal-pulizija li kien involut fl-aggressjoni fil-Ħamrun f’Jum l-Indipendenza.
Fi stqarrija ppubblikata mill-Korp tal-Pulizija, ġie spjegat kif il-filmat ippubblikat huwa parti mill-provi ppreżentati lill-Qorti u lid-difiża, u huwa għalhekk li dan il-filmat qatt ma seta’ jixxandar jew jiġi ċċirkolat.
Kien ukoll innotat li minbarra li ġiet injorata l-liġi, minn filmat ta’ 23 minuta, ġie ppubblikat biss 3 minuti li ma jinkludu xejn mill-ħin li l-pulizija sfaw aggrediti fiżikament.
Fid-dawl ta’ dan, il-Pulizija se tkun qed tressaq dan quddiem il-Qorti.
Filmat ippubblikat ilbieraħ
Ilbieraħ, ħareġ fil-pubbliku filmat ġdid li juri angolu differenti tal-famuża aggressjoni li seħħet fuq żewġ uffiċjali tal-Pulizija fil-Ħamrun – filmat li ċċirkola online bħal leħħa ta’ berqa, u li juri dak li ġibdet waħda mill-bodycams, li ntweriet fil-Qorti.
Il-bodycam hija tal-kuntistabbli Clive Mallia. U fil-filmati jidhru l-aħwa Elton u Kurt Borg.
Għal ħin twil, il-filmat stess juri li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll. Bil-kuntistabbli jinstema’ darbtejn jgħid lil wieħed mill-aħwa “kemm int avukat tajjeb”.
L-istess Pulizija jinstema’ jgħid lill-aħwa biex ma jmissuhx, wara li dawn – kif ordnalhom hu – fetħulu l-bagoll tal-karozza li kienet ipparkjata ħażin fi Strada Rjali.
Imbagħad, l-aħwa u mara li kienet preżenti, jinstemgħu jgħidu lill-kuntistabbli li hemm tliet persuni xhieda għall-mod kif kienu qed jiġu mitkellma.
Hawn, in-nies involuti spiċċaw fl-idejn. U l-filmat jieqaf ħesrem.
//= $special ?>