Lokali

“Il-Qorti Ewropea tgiddeb lil Robert Abela” – Il-PN

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ssib lil Malta ħatja li qed tarmi d-drenaġġ fil-baħar qabel jiġi trattat

Sentenza mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabet li Malta qed tikser l-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-UE rigward it-trattament tad-drenaġġ, u qed tarmi d-drenaġġ fil-baħar qabel jiġi trattat. Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Ministers Rebekah Borg, Ryan Callus u Toni Bezzina ġie spjegat kif dan huwa ċertifikat ieħor li l-Gvern qiegħed kontinwament jarmi l-ambjent u s-saħħa pubblika.

Il-Qorti sabet li l-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ fin-Nofsinhar u fit-Tramuntana ta’ Malta mhumiex qed ilaħħqu, fatt li l-Partit Nazzjonalista saħaq fuqu diversi drabi. Il-Prim Ministru u l-Ministru responsabbli, madankollu, qed ikomplu jippersistu fiċ-ċaħda tagħhom li l-politika li qed iħaddmu ħolqot problema għas-sistema tad-drenaġġ ta’ Malta, waqt li saħansitra jattakkaw lill-Partit Nazzjonalista meta jiġbed l-attenzjoni dwar dan.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li mhux veru li qed jintrema d-drenaġġ fil-baħar, u akkuża lill-Partit Nazzjonalista li huwa populist, waqt li ddikjara li jinsab kuntent bis-sistema tad-drenaġġ f’pajjiżna. Kien saħanistra attakka lill-Kap tal-PN Bernard Grech li akkużah li qed iqarraq.

Il-Qorti Ewropea giddbitu meta qalet li Malta ma kkontestatx il-fatt li l-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ, sal-2017, ma kinux qed ilaħħqu. Il-Labour jgħid ħaġa lill-poplu Malti u jirrapporta l-oppost fi Brussell.

Is-sentenza saħansitra qalet li Malta mhux se tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi tagħha qabel l-2026. Dan ifisser li l-ibħra ta’ Malta, li darba kienu kklassifikati bħala l-aktar nodfa fl-Unjoni Ewropea, huma destinati li jibqgħu jiġu mniġġsa bi drenaġġ mhux trattat.

Ir-referenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għall-iskart tal-biedja turi li l-Gvern injora din l-isfida għal snin, sakemm saret problema nazzjonali, u iggravat aktar il-problema tad-drenaġġ. Xhieda oħra tan-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern.

Kif qed ikomplu jwissu l-esperti, is-sistema tad-drenaġġ kif inhi hija mgħobbija żżejjed, parzjalment minħabba ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni. Il-fatt li l-Gvern qed ikompli jiċħad li hemm problema, flimkien man-nuqqas tiegħu li jaġixxi, tħalli lil Malta f’riskju ta’ aktar ħsara ambjentali, multi, u riperkussjonijiet serji għas-saħħa tal-poplu tagħha.

Il-Maltin jistħoqqilhom gvern li jieħu dawn l-isfidi bis-serjetà. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti għal soluzzjonijiet ibbażati fuq mudell ekonomiku ġdid, waqt li jżomm lill-Gvern responsabbli għall-fallimenti tiegħu. Iż-żmien tal-iskużi u ċ-ċaħdiet spiċċa – wasal iż-żmien għal azzjoni urġenti biex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa pubblika.