Il-Qorti tal-appell iddeplorat in-nuqqas bla spjegazzjoni ta’ maġistrat li tirritorna l-fajls ta’ xi kawżi li hija kienet ħadet id-dar, u saħaq li ssarraf f’dewmien bla bżonn u twil għall-partijiet. Dan jirriżulta minn komunikat li ntbagħat lill-Ministru tal-Ġustizzja, lill-Prim Imħallef u lir-Reġistratur tal-Qrati aktar kmieni dan ix-xahar, mill-Imħallef Lawrence Mintoff.
Fid-9 ta’ Ottubru, l-imħallef, li kien qed jisma’ appelli kontra deċiżjonijiet mill-Bord tar-Regolamentazzjoni tal-Kera li ngħataw mill-Maġistrat Monica Vella, kien iddetta nota fejn osserva li kienet it-tielet seduta konsekuttiva li kellha tiġi posposta minħabba li l-fajl tal-kawża kien ma ġiex esebit fil-Qorti preseduta minnu.
Irrefera għax-xhieda tad-deputat reġistratur tal-Maġistrat Vella, li f’Lulju kien imsejjaħ fil-pedana tax-xhieda biex jispjega għaliex il-fajl tal-kawża ma kienx għadda lill-Qorti tal-Appell. “Huwa għamilha ċara li l-fajl inkwistjoni bħalissa jinsab fir-residenza privata tal-Maġistrat Monica Vella,” innota l-imħallef.
Fix-xhieda tiegħu, id-deputat reġistratur ikkonferma li l-Maġistrat kienet infurmata li l-fajl tal-kawża kien meħtieġ fil-proċeduri tal-appell. Spjega li l-Maġistrat kienet ħadet il-fajl id-dar magħha. “X’wieġbet hi?” kien staqsa l-imħallef. “Qed tfittxu,” kien wieġeb ix-xhud, li kkonferma li l-fajl ma kienx fl-kmamar tagħha, u lanqas ma ngħata lill-Pulizija.
L-Imħallef Mintoff imbagħad iddetta komunikat, li ordna li jintbagħat lill-Ministru, Prim Imħallef u r-Reġistratur. “Il-Qorti tiddeplora l-azzjonijiet irresponsabbli tal-Maġistrat inkwistjoni, li naqset milli tispjega għaliex l-inkartament tal-kawża kien għadu ma ġiex mgħoddi lil din il-Qorti, u li kien wassal biex dawn il-proċeduri jitwalu bla bżonn, u kkawża inkonvenjent kbir lill-partijiet,” sostna l-komunikat.