Il-kmandanti militari u l-Gvern ta’ Iżrael ikkonfermaw li nqatel il-Kap Ewlieni tal-Hamas, Yahya Sinwar.
Dan il-qtil seħħ waqt sparatura bejn grupp ta’ terroristi, li kienu jinkludu lil Sinwar u t-truppi Iżraeljani li għaddejjin bl-azzjonijiet f’Gaza – konfront li fih ħadu sehem ukoll l-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael.
Il-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, Israel Katz, kien fost l-ewwel li kkonferma l-aħbar waqt messaġġ lil diversi Gvernijiet tad-dinja. Katz qal li l-qtil ta’ Sinwar għandu jitqies bħala rebħa sinifikanti u morali għal Iżrael minbarra li rebħa għad-dinja ħielsa kontra l-isponsors tat-terroriżmu alleati mal-Iran u l-gruppi tal-militanti finanzjati minnu.
Sinwar kien l-aktar terrorista mfittex minn Iżrael wara li hu kien il-protagonista fl-ippjanar u t-twettiq tal-attakki terroristiċi storiċi tal-Ħamas fuq l-Iżraeljani fis-7 ta’ Ottubru tal-2023.
Sinwar, matul is-sajf, kien ikkonfermat bħala l-Kmandant Suprem tal-Ħamas wara l-qtil, fl-Iran, tal-predeċessur tiegħu, Ismail Haniyeh, li spiċċa vittma ta’ attakk preċiż mill-Iżraeljani fuq bini fil-qalba ta’ Tehran.
Hu, qabel, serva bħala l-Mexxej tal-Ħamas għat-territorju sħiħ ta’ Gaza u maż-żmien sar magħruf ukoll bħala ‘t-Terrorista Numru Wieħed’ fost il-militanti Palestinjani.
Iżrael, fl-aħħar xhur, kien qed joffri prezz għall-informazzjoni li kellha twassal għall-eliminazzjoni ta’ Sinwar, li għamel ukoll żmien qalb il-lokalitajiet sigrieti fil-Qatar. Dan wara li l-istrateġiji tiegħu għat-terrur tal-2023 irriżultaw f’aktar minn 1,200 maqtula f’Iżrael f’anqas minn jum – u minbarra l-mijiet tal-ostaġġi li ttieħdu lura lejn Gaza.
Yaya Sinwar, sadanittant, qatta’ ħafna minn ħajtu fil-ħabsijiet ta’ Iżrael u meta fl-1988 hu kien ikkundannat għal erba’ termini ta’ ħabs għal għomru.
Madankollu, fl-2011, Sinwar kien fost aktar minn 1,000 priġunier Palestinjan li nħelsu minn Iżrael bi skambju ma’ Gilad Shalil, is-suldat Iżraeljan li kien ilu aktar minn ħames snin miżmum f’Gaza bħala ostaġġ tal-Ħamas.
//= $special ?>