Lokali Qorti

Kumpens ta’ €93,149 jitnaqqas għal €80,000 għal ħaddiem li weġġa’ fl-impjant tal-WasteServ

Kumpens ta’ €93,149 tnaqqas għal €59,000 mill-Qorti, bl-imgħax jitla għal madwar €80,000 fil-konfront ta’ ħaddiem ta’ 44 sena wara li ġarrab ħsara konsiderevoli f’għajnejh meta ntlaqat minn musmar fl-impjant tal-WasteServ fix-Xewkija f’għajnejh fejn spiċċa ukoll biex tilef għajn waħda.

Dan wara li nstab li kulħadd kellu parti mit-tort tal-inċident, jiġifieri l-istess vittma, il-kumpanija WasteServ u l-imgħallem. Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli ddeċidew l-appell.

Il-każ seħħ fit-8 ta’ Diċembru 2015 meta l-ħaddiem, Joseph Cordina, kien qed jaħdem fl-impjant tal-Kus, fix-Xewkija, li dak iż-żmien kien għadu qed jinbena. Meta l-imgħallem tiegħu talbu jaqla’ żewġ imsiemer tal-azzar iżda meta għamel dan, wieħed mill-imsiemer tar u laqtu f’għajnejh il-leminija.

Minn rapporti mediċi rriżulta li kawża tal-inċident, hu ġarrab diżabbiltà ta’ 27%. Sentejn wara dan l-inċident, Cordina fetaħ kawża fil-Qorti ta’ Għawdex kontra l-imgħallem tiegħu u l-WasteServ biex jitlob għad-danni.

Filwaqt li l-imgħallem qal li dak li seħħ ma kienx it-tort tiegħu, il-WasteServ qalet li l-impjant Tal-Kus ma kienx responsabbiltà tagħha għaliex kien ġie fdat għand Bonnici Brothers u l-kumpanija Sidercamme SRL.

F’Jannar 2021, il-Qorti ta’ Għawdex sabet li l-WasteServ ma kellhiex tort f’dan l-inċident u ordnat lill-imgħallem iħallas €47,145 lil Cordina. L-imgħallem kien appella din is-sentenza u qal li l-ewwel Qorti żbaljat meta ma sabitx li l-WasteServ kellha parti mit-tort tal-inċident u li ma jaqbilx li parti mit-tort tal-inċident kien tiegħu.

Il-ħaddiem vittma appella wkoll din is-sentenza għall-istess raġunijiet imsemmija mill-imgħallem tiegħu. Il-Qorti tal-Appell qalet li huwa ċar li kien l-imgħallem li talab lill-ħaddiem imur jaqla’ l-imsiemer u li, bħala direttur, kien aġixxa lil hinn minn dak li kien xogħlu.

Rigward it-tort tal-WasteServ, il-Qorti tal-Appell ikkunsidrat kif l-imgħallem semma li l-Wasteserv qatt ma identifikat ir-riskji fuq il-post tax-xogħol, ma pprovdietx il-ħwejjeġ ta’ sigurtà u ma żguratx is-sigurtà tal-makkinarju li ntuża biex jinqalgħu l-imsiemer.

Il-Qorti sabet ukoll li s-sit f’Tal-Kus ma kienx għadu għadda għand il-Wasteserv mingħand il-konsorzju li kien qed jibnih u li fuq il-post dakinhar li seħħ l-inċident, ma kienx hemm uffiċjal tas-sigurtà. “Il-fatt waħdu li persuna tkorri fuq il-post tax-xogħol, ma jfissirx li min iħaddem għandu bilfors iġorr ir-responsabbiltà għal dak li ġara”, irrimarkat il-Qorti li qalet li l-WasteServ kellha d-dover tara li l-ħaddiema kienu qed jaħdmu f’ambjent sigur.

Il-WasteServ instabet li naqset milli tassigura s-sigurtà tal-ħaddiema u li, miknejja li l-ħaddiema kellhom jiġu provduti b’nuċċali apposta, dan kien qed jiġi provdut biss lil min kien jitlob għalih. Il-Qorti tal-Appell qalet li huwa inaċċettabbli li ħaddiem ikollu “jitkarrab għat-tagħmir”.

Il-Qorti tal-Appell semmiet ukoll li l-makkinarju ntużat biex jinqalgħu l-imsiemer, tip ta’ gaffa, ma kellhiex windscreen u li kien wara l-inċident biss li l-gafef kellhom jibdew ikollhom windscreen. Madankollu, qalet ukoll li l-imgħallem xorta kellu responsabbiltà jiżgura s-sigurtà tal-ħaddiema kollha, ladarba kien fuq il-post tax-xogħol u kellu ċertu inkarigu.

Semmiet ukoll li l-ħaddiem irid jara li jżomm ruħu sigur u ma jpoġġix lilu nnifsu f’sitwazzjoni perikoluża. Il-Qorti semmiet kif, minflok uża ‘pliers’ jew apparat apposta, il-ħaddiem ipprova jaqla’ l-imsiemer b’gaffa żgħira, makkinarju li ma kienx adattat għal dan l-użu.

Dan wassal lill-Qorti għall-konklużjoni li kemm il-WasteServ, il-ħaddiem u l-imgħallem kellhom terz kull wieħed tat-tort ta’ dan il-każ. Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li mill-kumpens totali ta’ €93,149, għandu jitnaqqas terz minnu u b’hekk, il-WasteServ u l-imgħallem ġew ordnati jħallsu €59,135, li iżda bl-imgħax b’kollox ilaħħqu mat-€80,000 bejniethom lill-ħaddiem. Għall-vittma deher l-Avukat Chris Said,