Internazzjonali

L-Awstralja: It-tfal ta’ 10 snin fin-Northern Territory jistgħu jeħlu l-ħabs għar-reati

It-tfal ta’ 10 snin se jkunu eliġibbli għal sentenzi ta’ priġunerija fl-Istat Awstraljan tan-Northern Territory. Dan sar magħruf wara li l-Gvern tal-Istat naqqas l-età għall-imputati li jistgħu  jeħlu l-ħabs għal ‘responsabbiltà kriminali’.

L-awtoritajiet fl-Istati u t-territorji tal-Awstralja ilhom taħt pressjoni biex iżidu l-età relatata mar-responsabbiltà kriminali minn 10 għal 14-il sena u bħal fil-każ tal-pajjiżi  oħrajn żviluppati. Dan ukoll skont il-pariri min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti.

Is-sena l-oħra, l-Istat ta’ Northern Territorju kien sar l-ewwel ġurisdizzjoni, fl-Awstralja, li żied l-istat ta’ liġibbiltà għall-ħabs minn 10 snin għal 12-il sena.

Madankollu, il-Gvern ġdid, immexxi mill-Partit Liberali u li ilu jamministra lill-Istat minn Awwissu, insista li bilfors qed ikollu ‘jirtira l-miżura’ bħala pass neċessarju biex jikkontrolla r-rati tal-kriminalità fost it-tfal u l-minorenni.

L-awtoritajiet inkwistjoni qalu li l-possibbiltà li tifel jew tifla ta’ għaxar snin jeħlu l-ħabs għandha sservi bħala deterrent għar-reati u li din id-direttiva, fil-fatt, qed ‘tipproteġi’ lit-tfal.

Dan minkejja l-argumenti għall-kuntrarju min-naħa tat-tobba, l-organizzazzjoinjiet għad-drittijiet umani u r-rappreżentanti tal-gruppi indiġeni fil-pajjiż.