Internazzjonali

Lejn l-elezzjoni għall-White House: Is-‘Swing States’ se jkunu kruċjali għat-tamiet ta’ Harris u Trump

Fadal anqas minn tlett ġimgħat għall-elezzjoni tal-5 ta’ Novembru li tiddeċiedi min se jkun qed imexxi lill-Istati Uniti għall-erba’ snin li jmiss.

U għalkemm l-istatistika nazzjonali indikat li l-Viċi-President Amerikan Kamala Harris qed tgawdi vantaġġ minimu fuq l-eks President Amerikan Donald Trump, iż-żewġ rivali qegħdin jidhru ras-imb-ras fl-Istati magħrufin bħala ‘Swing States’ li huma l-aktar kruċjali għar-riżultat finali.

Intant, fl-aħħar jiem hemm numru ta’ Amerikani li diġà tefgħu l-voti fost il-fażi bikrija tal-proċess.

Is-sistema tal-‘early voting’ tippermetti biex in-nies residenti f’diversi Stati jivvutaw bil-posta inkella f’kapaċità personali qabel il-5 ta’ Novembru – bil-proċess qed isir fl-Istati li huma partikularment importanti għall-aspirazzjonijiet ta’ Harris, il-kandidat tal-Partit Demokratiku fil-Gvern u Trump, li mill-ġdid qed jirrappreżenta lill-Partit Repubblikan.

L-awtoritajiet fl-Istat ta’ Georgia, li hu wieħed mis-‘Swing States’ inkwistjoni, irrappurataw konkorrenza rekord ta’ votanti fl-ewwel jumejn tal-votazzjoni bikrija.

U bħalissa wkoll għaddej l-istess proċess tal-‘early voting’ fl-Istat ta’ North Carolina, ftit ġimgħat wara li r-residenti lokali kienu ġarrbu l-impatt qattiel tal-Urgan Helene. Dan ukoll meta għad fadal l-għexieren tan-nies neqsin f’dan l-Istat b’konsegwenza tal-imsemmi uragan.

Il-kampijiet tad-Demokratiċi u r-Repubblikani t-tnejn qed jagħmlu li jistgħu biex jiksbu l-appoġġ tal-maġġoranza f’North Carolina li kien intrebaħ minn Trump fl-2020 u li kapaċi jkun l-aktar Stat determinati fit-tellieqa presidenzjali.

Intant, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, irrifjuta li jirreferi għall-konsegwenzi koroh tas-6  ta’ Jannar tal-2021…Il-jum meta s-sostenituri Repubblikani kienu wettqu rewwixta fil-bini tal-Capitol, f’Washington, f’attentat biex ‘jiffriżaw’ ir-rebħa elettorali, ġimgħat qabel tal-President Amerikan Joe Biden…Rewwixta li fiha anki mietu u ndarbu numru ta’ nies.

Trump, aktar milli jitkellem dwar ir-riperkussjonijiet tal-jum — imfisser minn kulħadd bħala ‘wieħed iswed għad-demokrazija’ — irrefera biss għal dik il-ġurnata bħala ‘Jum tal-Imħabba’ waqt li hu kien qed jindirizza udjenza ta’ votanti Latini li għandhom ikunu segment kruċjali tal-elettorat waqt l-elezzjoni ta’ Novembru.

Qabel dan l-avveniment fil-kampanja tar-Repubblikani, ir-rivali kbir tiegħu, Kamala Harris, kellha l-ewwel intervista tagħha mal-istazzjon konservattiv Fox News, f‘Pennsylvania …Hemmhekk, Harris, kemm-il darba, irrepetiet li jekk kemm-il darba l-poplu jafda fiha, ‘il-Presidenza tagħha għandha tkun differenti minn tal-President Biden’.

Min-naħa tiegħu, Trump bagħat messaġġ fuq il-media soċjali fejn irrefera ‘għall-wirja ġenerali ta’ inkompetenza minn Harris’ waqt l-intervista. Trump qal ukoll li l-Viċi-President tal-Istati Uniti ‘qed tbati minn fissazzjoni dwaru u l-prospetti tat-telfa li mhix qed tħalliha tirraġuna kif suppost.’