Kważi elf jum mindu bdiet l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola laqgħet lill-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky fl-istituzzjoni mmexxija minnha, għal diskussjoni fuq pjan ta’ paċi.
Roberta Metsola qalet li l-kuraġġ li wera matul l-isfidi li ffaċċja matul l-aħħar snin kien ta’ ispirazzjoni għal kulħadd. Waqt li mexxiet laqgħa li fiha kien hemm il-mexxejja tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, il-President Metsola qalet li l-istituzzjoni mmexxija minnha se tkompli tappoġġja l-isforzi biex ikun hemm paċi dejjiema u ġusta, li tirrispetta l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiż.
Aktar kmieni, il-President Metsola indirizzat lill-mexxejja Ewropej għall-ewwel darba mindu ġiet eletta mill-ġdid fit-tmun tal-istituzzjoni f’Lulju li għadda. Hija appellat lill-mexxejja biex isaħħu l-isforzi għall-paċi. Paċi li għandha l-għeruq fil-libertà; li hi msejsa fuq id-dinjità u li hija mibnija fuq il-ġustizzja. Paċi li tipproteġi l-valuri tagħna. Żiedet li xejn inqas minn hekk mhi paċi reali.
Dwar it-tensjonijiet li qed jeskalaw fil-Lvant Nofsani, il-President Metsola saħqet li l-Ewropa trid tkun lesta biex taqdi r-rwol li għandha. B’referenza għal dik li sejħet katastrofi umanitarja orribbli, Roberta Metsola qalet li l-Mexxejja Ewropej għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itaffu t-tbatija li hemm għaliex inkella jirriskjaw li jkun hemm ġenerazzjoni oħra mitlufa.
Dwar l-immigrazzjoni, Roberta Metsola qalet li pjan Ewropew koordinat biss jista’ jiżgura l-integrità taz-zona Schengen.
Hija qalet li l-Ewropa ma tistax tinjora l-effetti li qed iwasslu għall-instabbiltà. Żiedet li dak li jiġri fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta’ Fuq jew fi kwalunkwe post ieħor qrib il-fruntieri tal-kontinent li ngħixu fih għandu konsegwenzi għall-Ewropa. Saħqet li l-Ewropa għandha bżonn tmur lil hinn minn soluzzjonijiet ta’ malajr. Fi kliema, hija qalet li din hija kwistjoni Ewropea li teħtieġ pjan Ewropew komuni. L-ebda Stat Membru m’għandu jħoss li qed jitħalla waħdu biex jaffronta dawn il-pressjonijiet.
//= $special ?>