L-Awditur Ġenerali se jkun qiegħed jinvestiga lill-Ministru Silvio Schembri b’rabta ma’ kunflitt ta’ interess li seta’ kellu dwar żvilupp li sar fil-Mellieħa u l-proġett ta’ Villa Rosa f’Paceville – dan meta hu kien Ministru responsabbli mill-artijiet.
Il-Ħamis filgħodu, meta kien affaċċjat bid-domandi ta’ Net News, il-Ministru ċaħad kompletament li kellu xi forma ta’ kunflitt ta’ interess. Bil-Ministru Schembri jibqa’ jgħid li l-Lands taħdem b’mod indipendenti, u għalhekk hu ma kellu l-ebda involviment.
It-trasferiment tal-Mellieħa wassal biex medda ta’ art ħadra intilfet għad-detriment tar-residenti kollha ta’ din il-lokalità. Fil-każ ta’ Villa Rosa qed jiġi allegat li l-Kabinett iddiskuta tibdil fil-local plans biex jiżdiedu aktar sulari għat-torri li se jinbena fil-bajja ta’ San Ġorġ, f’Paceville.
Mistoqsi jekk jaqbilx li ssir diskusjoni urġenti fil-Kumitat Parlametari tal-Ambjent, il-Ministru Schembri qal biss li hu m’għandux x’jaqsam ma dak il-kumitat u għalhekk irrifjuta li jwieġeb.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jisħaq li l-Gvern ma jistax jibqa’ jinħeba wara l-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Partit Nazzjonalsita sostna li l-laqgħa tal-Kumitat tal-Ambjent li ġiet mitluba mid-Deputati tal-PN, hija intiża biex il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar jidher quddiem il-Kumitat u jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar dak li ġie deċiż mill-Kabinett rigward it-tibdil fil-Pjan Lokali għal Paceville.
Fl-istess stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lid-Deputati tal-Gvern li huma membri ta’ dan il-Kumitat, biex jiddikjaraw jekk jaqblux li ssir din il-laqgħa urġenti.
Intant, fl-aħħar sigħat, l-iżviluppaturi tas-sit ta’ Villa Rosa insistew li lesti jnaqqsu l-għoli tal-proġett. Huma qed jgħidu li kull proċess ta’ konsultazzjoni se jgħinhom biex itejbu l-applikazzjoni tagħhom għal dan il-bini.
//= $special ?>