Tkompli l-ħidma konsultattiva tal-Partit Nazzjonalista hekk kif il-Ħamis filgħodu Bernard Grech kellu laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) – fejn l-Assoċjazzjoni tkellmet fuq il-proposti li qed tistenna li jkunu implimentati fil-Budget 2025, li se jiġi ppreżentat inqas minn ġimagħtejn oħra.
Matul din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista kommess li jagħmel il-bidliet meħtieġa sabiex is-setturi ta’ pajjiżna jimxu ‘l quddiem. Dan apparti li semma’ kif laqgħa wara l-oħra… l-imsieħba soċjali kollha esprimew l-istess sentiment – li pajjiżna jeħtieġ viżjoni ċara, ibbażat fuq il-kwalità.
Matul il-laqgħa ż-żewġ naħat qablu fuq il-fatt li t-taxxa fuq l-ikel għandha tkun imnaqqsa, bil-għan li jittaffa l-piż finanzjajru li qed jaffaċċjaw ir-ristoranti.
Minn naħa tagħha l-President tal-ACE Michelle Muscat tkellmet dwar il-proposti li ġew diskussi, kif ukoll semmiet l-isfidi li qed jaffaċċjaw fosthom bl-iskema tal-BCRS. Dan filwaqt li saħqet fuq l-importanza li f’pajjiżna jkollna turiżmu ta’ kwalità.
Għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia, Ivan Castillo, Graham Bencini, Stanley Zammit u Robert Cutajar.
//= $special ?>