Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-ammont ta’ għalliema li rriżenjaw mill-kariga tagħhom matul is-sena skolastika li għaddiet.
Minn informazzjoni li toħroġ minn tweġiba parlamentari tal-Ministru tal-Edukazzjoni, matul is-sena skolastika li għaddiet irriżenjaw 124 għalliem jew għalliema mill-iskejjel tal-Istat, u minnhom 26 għalliem biss baqgħu fil-professjoni fi skejjel tal-Privat jew tal-Knisja.
Hekk stqarr il-PN, permezz ta’ stqarrija maħruġa minn Justin Schembri, Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’.
Fi tweġibiet għal domandi parlamentari oħrajn, il-Gvern qal li għal din is-sena skolastika, ġew impjegati 74 u 43 għalliem jew għalliema fully-qualified biex jgħallmu fl-iskejjel sekondarji/medji u primarji tal-Istat rispettivament. Dan jammonta għal 117-il għalliem ġdid fully-qualified. Madanakollu, il-Gvern impjega total ta’ 217-il għalliem ġdid biex b’hekk jikkonferma li għadu qiegħed jimpjega numru sostanzjali ta’ għalliema supply. Il-Gvern ma jagħtix informazzjoni dwar jekk impjegax għalliema li kienu diġà fil-professjoni imma fi skejjel tal-Privat jew tal-Knisja.
Jirri#ulta b’mod evidenti li minkejja l-bżonn ta’ aktar għalliema fully-qualified fil-livelli kollha, u minkejja li qed jiggradwaw numru ta’ għalliema ġodda kull sena, il-Gvern mhux qiegħed jirnexxilu jżomm fl-impjieg numru kbir ta’ għalliema li qegħdin jirriżenjaw kull sena. Dan huwa fattur inkwetanti għaliex is-settur edukattiv ma jistax jibqa’ jitlef l-għalliema professjonali fi ħdanu kull sena minħabba riżenji kontinwi.
Il-PN jappella lill-Gvern biex jagħmel studju serju biex jidentifika l-kawża rikorrenti tar-riżenji fis-settur edukattiv għaliex wara kull riżenja hemm raġuni serja.
//= $special ?>