Lokali

Il-gvern qed jgħid li jrid ikompli “jaħdem fuq li hemm”

Diversi akkademiċi, opinjonisti, Korpi Kostitwiti u professjonisti ilhom snin sħaħ jappellaw biex il-pajjiż jinqala’ mill-aħħar postijiet fejn tidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni … u joħloq setturi ekonomiċi ġodda. Pero, għall-Gvern, donnu li din mhix prijorità.

Il-mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwantità u mhux fuq il-kwalità ma jistax jippersisti. Din hi l-għajta ta’ bosta korpi kostitwiti u unions li għal dawn l-aħħar xhur u snin ilhom iħanbqu fuqha.

Bl-esperti jaqblu li l-pajjiż għandu jkompli jikber ekonomikament propju bil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda li ma jirrikjedux żieda allarmanti fil-popolazzjoni.

Iżda meta l-Ġimgħa filgħodu saqsejna lill-Ministru Clifton Grima liema oqsma se jkunu qed jinħolqu u x’inhuma dawk is-setturi li huma parti mis-suppost viżjoni li ħabbar il-Gvern fl-aħħar jiem…il-Ministru qalilna biss li jrid jaħdem fuq dak li diġa’ hemm. Għalkemm imbgħad, għażel li jsemmi biss l-istudji relatati mal-ispazju.

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul u li jissawru niċċeċ ekonomiċi ġodda bħall-Metaverse, ir-robotika, l-e-sports, il-produzzjoni tal-video games u t-3D printing.

Dan apparti l-ħtieġa ta’ sostenn dirett lill-ħaddiema u lin-negozji – fosthom b’tax credits u billi titneħħa t-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA.