Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Il-Ħamas se jkompli jirreżisti lil Iżrael…iżda l-qtil ta’ Yahya Sinwar ħallih vulnerabbli u diżorganizzat

Iżrael qed jiċċelebra l-eliminazzjoni tal-Mexxej Ewlieni tal-Ħamas bħala żblokk kbir li jista’ iqarreb ir-rebħa finali kontra t-terroristi Palestinjani f’Gaza….Il-qtil ta’ Yahya Sinwar hi forsi l-akbar daqqa ta’ ħarta għall-Ħamas f’aktar minn sena ta’ gwerra mal-Iżraeljani, iżda kelliema għal dan il-grupp għamluha ċara li beħsiebhom ikomplu b’dan il-konflitt xorta waħda.

Madankollu, kollox qed juri li l-Ħamas spiċċaw diżorganizzati u mingħajr sistema ċara ta’ tmexxija wara t-telfiet ta’ Sinwar u, ftit tax-xhur ilu, ta’ Ismail Haniyeh; il-Kap Suprem ta’ qablu u li kien inqatel mill-Iżraeljani bħala residenti ta’ Tehran, il-kapitali tal-Iran.

Il-Ħamas, issa, irid jibdel ħafna mill-operat tiegħu wara numru ta’ disfatti sinifikanti….Disfatti li komplew mindu t-terroristi, fis-7 ta’ Ottubru tal-2023, invadew lil Iżrael u massakraw ‘il fuq minn 1,200 fost il-ħtif tal-mijiet tal-ostaġġi.

Sadanittant, Yahya Sinwar ma nqatilx waqt offensiva speċifika fuq il-moħba tiegħu  iżda waqt sparatura li seħħet għall-għarrieda u waqt li t-truppi Iżraeljani kienu qed javvanzaw minn Rafah, fin-Nofsinar ta’ Gaza.

Ritratt li ttieħed mill-inħawi, fil-fatt, juri l-katavru ta’ Sinwar, liebes uniformi militari, qalb it-tifrik ta’ bini li nqerdet fost l-isparar tat-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani.

Il-qawwiet Iżraeljani anki ċirkulaw filmat li, allegatament, juri l-aħħar mumenti ta’ Yahyia Sinwar qabel inqatel – u fost rapporti li t-truppi sabuh fil-pussess ta’ arma tan-nar minbarra flus kontanti ekwivalenti għa kważi 9,000 ewro.

Intant, ir-Rappreżentanti Għoljin li fadal tal-Ħamas ukoll, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw il-qtil ta’ Sinwar iżda insistew xorta li Iżrael mhux se jirnexxilu jelimina lil dan il-grupp.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, faħħar lis-suldati tiegħu waqt li wissa li l-gwerra kontra l-Ħamas mhix se tieqaf hawn, anki jekk Iżrael qed ikompli jħallas il-prezz dovut għall-kumbattimenti fit-tul.

Netanyahu saħaq li Iżrael xorta għandu l-isfidi kbar quddiemu iżda jinsab determinat li jintlaħqu t-tragwardi militari li jiggarantixxu livell ta’ sigurtà ogħla għall-poplu .

Fil-verità Netanyahu jeħtieġ rebħa ċara fuq il-Ħamas anki għal skopijiet politiċi u meta għadu qed jirrepeti li, akkost ta’kollox, beħsiebu jeqred lill-Ħamas bħala qawwa militari filwaqt li jsalva lill-ostaġġi Iżraeljani li għadhom ħajjin aktar minn sena wara li ttieħdu lejn il-Medda ta’ Gaza.

Dawn il-miri importanti għadhom effettivi minkejja aktar minn sena ta’ gwerra li ssarrfet f’talanqas 42,000 Palestinjani maqtula u bl-ibliet ta’ Gaza jispiċċaw ridotti f’munzelli tal-ġebel u terrapien taħt il-qilla tal-bombi tal-Iżraeljani.

Fl-istess ħin, il-Ħamas, sallum, xorta għadhom qed jirreżistu għall-inkursjonijiet tal-militar Iżraeljan f’arthom – għalkemm l-issue tat-Tmexxija, issa, għandha tkun waħda ħafna aktar problematika għalihom.

U għalkemm il-qtil ta’ Yahya Sinwar għolliet bil-kbir il-moral tal-Iżraeljani kollha, il-konflitt mal-Ħamas mistenni jkompli għal jiem, ġimgħat u forsi anki xhur oħra sakemm it-tragwardi ewlenin ta’ Iżrael jintlaħqu kollha.

‘Il-mument tal-ġustizzja’

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li l-eliminazzjoni ta’ Yahya Sinwar, bħala, forsi, l-aktar terrorista perikoluż fil-Lvant Nofsani, irrappreżentant ‘il-mument tal-ġustizzja’.

Dan meta Sinwar kien il-moħħ ewlieni wara l-attakki storiċi tal-2023 kontra Iżrael…Attakki li jingħad li saru ‘totalment’ fuq l-inizjattiva ta’ Sinwar, tant li mifhum li hu, qabel, lanqas ma kkonsulta mal-Kapijiet l-oħrajn tal-Ħamas.

Biden ħareġ bil-kumment waqt żjara fil-Ġermanja u meta hu u l-Kanċillier Ġermaniż, Olaf Scholz, qablu li l-qtil tat-terrorista joffri opportunità ġdida għal waqfien mill-ġlied f’Gaza.

Biden fakkar li Sinwar kellu jdejh imċappsin bid-demm ta’ ħafna Iżraeljani, Palestinjani, Amerikani u anki ċittadini Ewropej li spiċċaw vittma tat-tattiċi terroristiċi tiegħu.

Min-naħa tiegħu, il-Kanċillier Scholz qal li issa nfetħu l-prospetti konkreti għal ‘triq lejn il-paċi u futur aħjar għar-residenti ta’ Gaza mingħajr il-preżenza tal-Ħamas’. Scholz fl-istess ħin, awgura li ċ-ċirkustanzi jwasslu anki għal ftehim biex jinħelsu l-ostaġġi Iżraeljani miżmumin mill-ġellieda tal-Ħamas.