Lokali

Il-Moviment Graffitti jinsisti li issa nkixfet il-vera intenzjoni tal-Gvern

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jbiddel ir-regoli biex jakkomoda l-proġett ta’ Villa Rosa ħarġet b’mod ovvju meta l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa d-dokument biex tinbeda r-reviżjoni tal-Pjan Lokali għal dan is-sit f’San Ġiljan.

Dan intqal mill-Moviment Graffitti fi stqarrija, hekk kif qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela.

Graffitti spjegaw li filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li r-reviżjoni se tkun “limitata speċifikament għas-sit ta’ Villa Rosa kif inhu ddemarkat fil-Pjan Lokali tal-2006,” id-dokument, fil-verità, ikopri zona addizzjonali lil hinn mis-sit definit bħala Villa Rosa fil-Pjan Lokali tal-2006. 

Din iż-żona addizzjonali tikkoinċidi mas-sit kopert mill-applikazzjoni għal dan il-proġett, li fi kliem il-Moviment Graffitti se jaħtaf l-unika spazju miftuħ li fadal bejn San Ġiljan u Pembroke.

“L-istqarrijiet tal-Prim Ministru li se ssir “konsultazzjoni pubblika” huma gidba sfaċċata”.

Filwaqt li l-istqarrija tal-iżviluppatur li jilqa’ r-reviżjoni tal-Pjan Lokali ma kienet sorpriża għal ħadd, id-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar li se “jnaqqas” l-għoli tal-proġett huma insult għall-intelliġenza tal-poplu. L-iżviluppatur l-ewwel issottometta applikazzjoni li qabżet sew il-limiti stabbiliti mill-Pjan Lokali, imbagħad għamel pressjoni fuq il-Gvern biex ibiddel il-pjan sabiex jallinjah ma’ dan il-proġett – deskritt bħala “mostruż”.

U issa, qed jippreżenta stqarrijiet vagi dwar l-għoli tal-proġett, mingħajr, iżda, ma jsemmi xejn dwar il-volum.

Il-Moviment Graffitti fakkar li l-oġġezzjonijiet għat-tibdil fil-Pjan Lokali jridu jintbagħtu fuq villarosa.consultation@pa.org.mt.

Is-Sibt 26 ta’ Ottubru fl-10.30am se tiġi organizzata protesta biswit il-Bajja ta’ Ġorġ sabiex jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għal dan il-proġett.