Internazzjonali

Il-Premju Sakharov: ‘Jinjoraw’ lill-imprenditur Elon Musk

Elon Musk, l-imprenditur biljunarju u Kap Eżekuttiv ta’ Tesla and SpaceX ma kienx magħżul fost il-kandidati finalisti għall-Premju Sakharov…Il-Premju prestiġjuż li jingħata mill-Unjoni Ewropea biex fost oħrajn tirrikonoxxi l-libertà tal-ħsieb minbarra l-impenji għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem.

Musk li hu wkoll il-proprjetarju ta’ X – is-sit tal-media soċjali sa ftit ilu magħruf bħala Twitter —  kien inizjalment innominat għall-Prejmu minn żewġ gruppi estremisti tal-lemin irrappreżentati fil-Parlament Ewropew. L-entitajiet inkwistjoni huma il-Partit tal-Patrijotti għall-Ewropa u l-Grupp Ewropew għall-Istat Sovrani li hu mmexxi mill-Partit Alternativ fur Deutschland (AfD) tal-Ġermanja.

Fl-aħħar snin, il-Premju Sakharov ingħata lill-individwi u organizzazzjonijiet li taw kontribut sinifikanti għad-difiża tal-libertà tal-ħsieb u l-kelma.

Fost ir-rebbieħa preċedenti ta’ dan il-Premju hemm l-eks President tal-Afrika t’Isfel, Nelson Mandela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny li mewtu, xhur, ilu, x’aktarx li seħħ fuq id-direttiva speċifika tal-Gvern immexxi minn Vladimir Putin.

Sadanittant, il-fatt li Elon Musk spiċċa ‘injorat’ għall-Premju Sakharov ma niżilx daqstant tajjeb mal-MEPs estremisti tal-lemin li nnominawh. Fil-fatt, uħud mill-MEPs qed jikkuntestaw ‘il-validità’ tal-proċess ta’ votazzjoni relatat mal-għażla finali tal-kandidati ta’ din is-sena.