Il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) ġiet ordnata mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli biex tħallas is-somma ta’ €20,094 lis-sidien ta’ dar fil-Fgura li ġarrbet ħsarat kbar waqt maltempata kbira li wasslet biex tiżbroffa parti mis-sistema tad-drenaġġ. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li t-tort ta’ dan kollu kien unikament tal-WSC.
Il-każ seħħ fl-2018 fi Triq it-Tagħlim meta seħħet maltempata li wasslet għal għargħar u li l-iżbroff seħħ peress li s-sistema tad-drenaġġ kienet waħda qadima u b’hekk għerqet parti mit-triq. Id-dar ġarrbet ħsarat fil-membrane filwaqt li kien hemm ħsarat ukoll fil-madum u d-dawl.
Is-sidien tad-dar iqabbdu perit li stima li l-ħsara kienet ta’ €55,000 u bdew jitkellmu mal-WSC sabiex jirċievu xi forma ta’ kumpens. Minkejja li jidher li ntlaħaq qbil ta’ pagament ta’ €17,600, is-sidien argumentaw li baqa’ ma ntlaħaqx qbil fuq kif għandu jsir il-pagament.
Il-ftehim tal-kumpens kien li parti mis-somma titħallas lis-sidien filwaqt li l-persuna li kienet qed tikri d-dar titħallas somma oħra. Is-sidien qalu li qatt ma ntlaħaq ftehim f’dan is-sens fuq il-pagamenti. Fil-Qorti ġew preżentati emails li wrew kif intlaħaq qbil fuq kumpens ta’ ftit aktar minn €17,000.
Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ddeterminat li, filwaqt li ntlaħaq qbil fuq l-ammont tal-kumpens, ma ntlaħaqx qbil fuq kif kellu jsir il-pagament. Hi kkunsidrat ukoll li l-WSC qatt ma ċaħdet li kienet responsabbli għall-ħsara minħabba li ma ġietx irranġata s-sistema tad-drenaġġ u tranġat biss wara dan l-inċident.
Minħabba li s-sidien ma ppreżentawx ritratti jew evidenza tal-ħsara, il-Qorti qalet li ma setgħetx tordna li l-kumpens ikun kif xtaqu s-sidien. Il-Qorti kkunsidrat bosta rapporti ta’ periti li stmaw il-ħsara u waslet għall-konklużjoni li s-sidien tad-dar kienu intitolati għal ftit aktar minn €20,000 f’kumpens.
Is-somma tinkludi t-tiswija meħtieġa, it-telf ta’ art biex isir il-membrane u t-telf ta’ kera. Apparti l-kumpens, il-WSC ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża.
//= $special ?>