Lokali

Is-Sibt 19 ta’ Ottubru l-attività kulturali ‘Tlaqna l-Belt’

Mixja kulturali ma’ AnneMarie Grech b’donazzjonijiet għall-Action for Breast Cancer Foundation Malta, RIDT u Europa Donna

Għada s-Sibt se ssir l-attività li ngħatat l-isem ‘Tlaqna l-Belt’, organizzata minn AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, bl-iskop ta’ aktar għarfien u ġbir ta’ fondi b’risq organizzazzjonijiet li jaħdmu fir-riċerka u l-kura tal-kanċer tas-sider.

Bħal kull sena, dan ix-xahar ta’ Ottubru, magħruf bħala ‘Pink October’, hu sinonimu ma’ dan it-tip ta’ mard u AnneMarie Grech, bħalma għamlet fis-snin li għaddew, qed tieħu din l-inizjattiva biex flimkien mal-pubbliku li se jattendi tgħin entitajiet li jaħdmu f’dan is-settur permezz tad-donazzjonijiet minn dawk li jattendu.

Waqt intervista minn Robert Cremona fil-programm Net Live tal-bieraħ, AnneMarie Grech tat id-dettalji ta’ dak li se jkun qed jiġri fil-Belt l-Valletta għada filgħodu, fejn se tkun qed tgħaqqad l-aspett kulturali u edukattiv ma’ din l-attività.

Is-Sinjura Grech appellat sabiex fis-2pm niltaqgħu quddiem il-Parlament u flimkien mal-gwida li se jakkumpanja l-grupp, Vincent Zammit, il-grupp se jimxi fi Triq ir-Repubblika u jidħol f’ċerti binjiet kulturali bħall-Każini La Valette u King’s Own u josserva wkoll minn barra xi knejjes u l-mużew tal-arkeoloġija, u mbagħad jidħol fil-Katidral ta’ San Ġwann fejn il-gwida jagħti spjega dwar ir-rikkezzi li nsibu fih.

Ser issir ukoll żjara f’esebizzjoni bil-pitturi ta’ Caravaggio f’sezzjoni tal-Konkatidral miftuħa reċentement.

Imbagħad, il-grupp jibqa’ nieżel sal-bini tal-AŻAD fejn l-attività tintemm b’xi kafè u xi ħaġa tajba. Hi appellat biex fl-isfond tal-previżjoni tal-maltemp għal tmiem il-ġimgħa, kulħadd iġib miegħu umbrella u ħwejjeġ adattati biex ma nħallux ix-xita tħarbat l-attività.

AnneMarie Grech qalet li għal din l-attività jista’ jattendi kulħadd, il-membri kollha tal-familja.