Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li kien mixli li ffastidja lil zijtu biex tagħtih il-flus għad-droga

Raġel ta’ 31 sena minn Ta’ Xbiex, li ismu mhux jixxandar biex tiġi protetta l-allegata vittma, baqa’ miżmum taħt arrest wara li kien mixli li ta fastidju lil zijtu billi b’mod regolari kien jitlobha l-flus għad-droga. L-arrest tar-raġel seħħ wara li f’Ottubru zijtu rrappurtatu mat-Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika.

Il-mara qalet lill-Pulizija li n-neputi tagħha għandu l-vizzju tad-droga u kontinwament iċemplilha biex tagħtih il-flus sabiex imantni l-vizzju. Hi tenniet ukoll li kemm-il darba ġiegħelha tibgħat flus lil terzi persuni permezz ta’ ‘mobile banking’ waqt li darb’oħra l-akkużat u sieħbu saquha sal-bank biex tiġbed il-flus u tagħtihom lin-neputi tagħha biex jixtri d-droga.

Huwa kien akkużat ukoll li kiser sitt digrieti tal-ħelsien mill-arrest u wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Ir-raġel talab għall-pleġġ, bil-Pulizija toġġezzjona bil-qawwa kollha għax qalet li mhux l-ewwel darba li zijtu rrappurtat fastidju minnu fil-konfront tagħha waqt li qalet ukoll li l-imputat mhux affidabbli u li pprova jaħrab waqt l-arrest.

Id-difiża informat lill-Qorti li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, ir-raġel se jkompli l-programm ta’ riabilitazzjoni għax jixtieq jagħmel minn kollox biex jegħleb il-vizzju.

Il-Maġistrat Jean Paul Grech ċaħad it-talba għal-libertà proviżorja minħabba li l-allegata vittma għad trid tixhed fil-proċeduri u rrakomanda lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħti l-għajnuna neċessarja lir-raġel biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar filwaqt li għall-akkużat dehru l-Avukati Josè Herrera u Martina Herrera.