Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ 11-il sena ħabs fil-konfront ta’ xufier ta’ Mini-Bus ta’ l-iskola minn Ħal Qormi wara li nstab ħati li f’Ġunju ta’ 18-il sena ilu, stupra tifla ta’ tmien snin diversi drabi. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkonfermat b’mod intier il-ikundanna ta’ 11-il sena ħabs fil-konfront ta’ James Grech fejn qalet li l-Ewwel Qorti kienet korretta fid-deċiżjoni tagħha li tagħti tali piena.
“Din il-Qorti tiddeplora bil-kbir u tikkundanna tali tip ta’ reati li, f’dan il-każ speċifiku, wasslu biex il-vittma ssofri għal ħafna snin sakemm ġisimha ma jkunx jista’ jeħodha aktar,” qalet il-Qorti. L-akkużat, qalet l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, dak iż-żmien kien adult u kien mistenni jieħu ħsieb lit-tifla taħt is-superviżjoni tiegħu. Iżda minflok sfrutta l-fiduċja tagħha billi abbużaha sesswalment u stupraha.
“Id-dettalji ta’ dan il-każ huma xokkanti tant li l-vjolenza saret kemm saret vjolenza fuq il-vittma,” irrimarkat l-imħallef. “Għal raġunijiet bħal dawn, il-Qorti ma kkunsidratx li għandha tapplika l-klemenza fir-rigward tal-appellant li wettaq dawn ir-reati makabri.”
Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li “din il-Qorti tistmerr u tikundanna bil-kbir dawn it-tip ta’ reati li f’dan il-każ speċifiku ħallew vittma ssofri għal snin twal sakemm ġisimha ma felaħx iktar”. James Grech illum għandu 42 sena u kellu 24 sena meta kien wettaq dawn ir-reati fuq tifla li kienet tattendi l-iskola primarja tal-Gżira.
Fil-Qorti, it-tifla kienet irrakkontat seba’ episodji ta’ stupru u ta’ abbuż sesswali li saru kollha f’għalqa minn Grech, ix-xufier tal-vann. Huwa kien iwassalha lura d-dar wara l-iskola. It-tifla żvelat fil-Qorti, li x-xufier kellu x’jaqsam magħha tliet darbiet, u li l-ewwel darba li messha b’mod indiċenti kien wara li ddeċidiet li ma tpoġġix aktar ħdejh wara li kien messilha saqajha. It-tifla qalet ukoll li qabel ma stupraha, fi tliet okkażjonijiet oħra, huwa qalilha tagħmel atti mmorali fuqu.
It-tifla li llum hija mara ta’ 26 sena, kienet xehdet ukoll li darba fost oħrajn waddabha n-naħa l-oħra tal-vann u ħarġilha d-demm minn ħalqha u minn mneħirha wara li bdiet tolfoq u tibki biex ma jgħammillha xejn. Qalet ukoll li t-tieni darba li stupraha, huwa taha anki daqqiet fl-istonku b’siequ.
Omm il-vittma sabet djarju ta’ bintha fuq dak li kienet għaddejja minnu
Xhud importanti f’dan il-każ kienet omm il-vittma li qalet li ndunat b’dak li kien qed jiġri lil bintha meta sabitilha djarju li fih kienet tniżżel l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Paula Ciantar, qalet ukoll li tul l-iżvilupp tat-tifla u meta kellha 16-il sena beda jkollha ’pseudo seizures’ u dan kellha l-ewwel relazzjoni ma’ ġuvni, riżultat ta’ dak li għaddiha minnu Grech.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Maġistrati kienet qalet li x-xhieda tat-tifla għandha tiġi emmnuta għax dejjem kienet konsistenti fil-verżjoni tagħha. Ix-xhieda prodotti mid-difiża, ma għamlu xejn minn dan. Illi ugwalment ma ġiex imwaqqa’ dak li ħareġ mix-xhieda tal-Psikjatra Joseph Cassar kif ukoll mill-espert Carmen Sammut a rigward l-oriġini tat-trawma tal-vittma u għalhekk ma ġiex ippruvat bl-ebda mod li -hija kellha xi trawma oħra.
L-ewwel-Qorti kienet qalet ukoll li huwa aċċettabbli, speċjalment fi trawmi kbar, li persuna forsi tiżbalja dettalji żgħar jew ma tiftakarhomx, però dawn id-dettalji ma jkunux ta’ tali importanza li jwaqqgħu l-verżjoni tal-persuna li tkun għamlithom.
Id-difiza argumentat li l-verżjoni tal-vittma tant hi kkulurita li hija vvintata. Kif kien ingħad mill-Psikjatra Joe Cassar u mill-Psikologa Carmen Sammut, it-tifla żżomm ħafna ġo fiha u għalhekk setgħet tiftakar id-dettalji kollha anke sal-mument tal-kontroeżami quddiem din il-Qorti. Illi appuntu tant żammet id-dettalji kollha ġo fiha li hija ma rnexxilhiex tissupera din it-trawma sal-ġurnata tal-lum.
Il-fatt li l-vittma ma kinitx qalet il-verità kollha fl-ewwel rapport lid-diriġenti tal-iskola tagħha, ma jirrendix din ix-xhud anqas kredibbli għax il-Qorti tapprezza l-karattru u l-età tal-persuna li riedet teħles mill-problemi li kellha. L-Avukat tal-AĠ Etienne Savona mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Joe Giglio deher għall-vittma.
//= $special ?>