Lokali

“L-ammont ta’ stabbilimenti tal-catering hu kbir wisq”

“In-numru ta’ stabbilimenti kibru ħafna iktar mill-kejk li qed nieklu minnu.”

Rapport li sar mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering juri li pajjiżna għandu ammont kbir ta’ ristoranti meta tikkunsidra l-popolazzjoni tagħna. B’riżultat li saħansitra qed ikun innutat tnaqqis fil-profitti tal-istabbilimenti.

Waqt NET Live, Matthew Pace – li kien qed jitkellem f’isem din l-Assoċjazzjoni – insista li jeħtieġ li tittieħed xi forma ta’ azzjoni qabel ikun tard wisq.

“Nemmen li wasalna fi stadju fejn irridu mmorru lura għad-drawing board mill-aspett tal-għoti tal-liċenzji, għaliex hawn 3,800, kważi 3,900, stabbiliment tal-catering f’dan il-pajjiż ta’ 550,000 ruħ,” qal Pace. “M’aħniex ngħidu li għandu jkun hemm capping, il-kompetizzjoni hi healthy dejjem, imma nemmnu li meta wieħed ikun se jiftaħ stabbiliment tal-catering għandu jsir due diligence.”

Matthew Pace qal ukoll kif il-prezzijiet għoljin fl-istabbilimenti tal-catering, meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, normalment ma tkunx ħtija tal-istabbilimenti… iżda għadd ta’ fatturi oħrajn; bħat-taxxa tal-VAT għolja u l-importazzjoni tal-prodotti.

Fil-fatt, waħda mill-proposti ewlenin tal-Assoċjazzjoni tal-Catering għall-Budget li jmiss hi li tonqos ir-rata tal-VAT fuq ir-ristoranti. Dan sabiex ir-rata tirrifletti wkoll il-medja tal-Unjoni Ewropea, u pajjiżna jkun ferm aktar kompettitiv.