Lokali

L-ebda data meta se jinfetaħ il-hub ta’ Raħal Ġdid

Il-Gvern għadu ma jistax jikkonferma meta se jkun qed jiftaħ il-hub ta’ Raħal Ġdid, minkejja li dan il-Paola Southern Regional Hub kellu jiftaħ sentejn ilu.

Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea jekk jafx meta se jkun qed jiftaħ dan il-hub. Bid-deputat Laburista jgħid li bħalissa għaddejja ħidma sfieqa – iżda timeline ċar għad mhemmx.

Apparti minn hekk, hu insista li l-media ma tridx tagħti impressjoni ħażina.

Agius Galea semma’ li kien hemm kwistjoni mal-kuntraturi; liema kwistjoni tista’ twassal biex il-Gvern jitlef 50 miljun ewro minħabba li jilħaq jiskadi ż-żmien stipulat mill-UE biex dan l-isptar jibda jopera.

U minkejja li s-Segretarju Parlamentari qalilna li hemm ħidma għaddeja biex dawn il-flus ma jintilfux, fl-ebda ħin ma ta’ garanzija li l-Gvern se jirnexxielu.

Intant, lis-Segretarju Parlamentari staqsejnih ukoll dwar il-ħub tat-tramunatana, li suppost kellu jtaffi mid-domanda għas-servizzi fuq Mater Dei; ċentru li issa skont il-Prim Ministru Robert Abela m’għadux prijorita.

U minkejja  li diversi persuni li tkellmu ma’ Net News spjegaw li huma ġew infurmati li għandhom imorru għall-kura f’Għawdex hekk kif il-hub tat-tramuntana ma nfetahx Agius Galea qal biss illi hu jifhem li qed ikun hemm xi skariġi.