Internazzjonali

L-Ukrajna: Theddida sinifikanti mit-truppi tal-Korea ta’ Fuq li qed jissieħbu fil-gwerra fuq in-naħa tar-Russja

L-Ukrajna qed tiffaċċja theddida oħra mill-aktar gravi għas-sigurtà tagħha meta l-Korea ta’ Fuq komunista qed tibgħat dejjem aktar truppi biex jiġġieldu fl-artijiet Ukreni bħala alleati tar-Russja.

Is-servizzi sigrieti tal-Korea t’Isfel wissew dwar dan l-iżvilupp inkwetanti ftit wara li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, esprima t-twemmin tiegħu li talanqas 10,000 suldat Korean komunista kapaċi jissieħbu fil-konflitt li ilu għaddej mindu l-qawwiet Russi kienu invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.

Fl-istess ħin, is-servizzi sigieti tal-Ukrajna wkoll wissew li l-Armata tar-Russja qed tifforma taqsima għat-truppi tal-Korea ta’ Fuq li jridu jinvolvu ruħhom sew fil-kumbattimenti futuri tal-Ukrajna. Dan meta mifhum li ammont sinifikanti ta’ suldati Koreani komunisti qed jingħataw it-taħriġ fil-bażijiet tar-Russi fi Vladivostok, Ussuriysk, Khabarovsk, u Vlagoveshensk.

Anki l-Korea t’Isfel tinsab allarmata dwar il-gravità tas-sitwazzjoni, bil-President ta’ dan il-pajjiż, Yoon Suk Yeol, isejjaħ laqgħa tas-sigurtà urġenti. Dan fost l-appelli biex il-komunità internazzjonali twieġeb bil-mezzi kollha possibbli għal din l-alleanza militari perikoluża li żviluppat bejn ir-Russja u l-Korea ta’ Fuq.

Preżenti għal-laqgħa tas-sigurtà kien hemm l-uffiċjali ewlenin mal-Uffiċċju għas-Sigurtà Nazzjonali tal-Korea t’Isfel, flimkien ma’ uffiċjali mill-Ministeru tad-Difiża u l-Aġenzija tas-servizzi sigrieti nazzjonali. Hawnhekk kien deċiż li l-Korea t’Isfel għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-komunità internazzjonali biex, flimkien, jindirizzaw it-theddida ċara għall-istabbilità globali min-naħa ta’ Moska u Pyongyang.

Numru ta’ sorsi qalu li almenu 2,000 truppi komunisti huma diġà fuq ‘standby’ fir-Russja – u meta l-vera ċifra kapaċi anki tammonta għal xi 12,000 suldat.

Żdiedu anki l-provi li l-Korea ta’ Fuq qed tissupplixxi dejjem aktar lir-Russja bil-munizzjon għall-gwerra mal-Ukreni. L-aħħar provi konkreti jinkludu s-sejba ta’ missila manifatturata fil-Korea komunista fir-reġjun ta’ Poltava, fl-Ukrajna.

Ir-Russja u r-reġim ta’ Kim Jong-un, fl-aħħar xhur, komplew isaħħu l-kooperazzjoni bejniethom fid-diversi oqsma.

Dan waqt li Kim Jong-un, bħala l-Mexxej indiskutibbli tal-Korea komunista, ftit tal-jiem ilu, awgura lill-President Russu Vladimir f’għeluq sninu u fejn irrefera għalih bħala ‘l-akbar kollega u alleat’.

L-iżviluppi  segwew l-introduzzjoni , minn Putin, ta’ abbozz ta’ liġi biex jirratifika l-patt militari li hu kien għamel xi żmien ilu ma’ Kim Jong-un…Patt li jinsisti biex ir-Russja u l-Korea ta’ Fuq jgħinu lil xulxin f’sitwazzjonjiet ta’ ‘aggressjoni kontra xi ħadd minn dawn il-pajjiżi’.