Lokali

Missio tniedi video promozzjonali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Missjoni

It-tema tal-Jum Dinji tal-Missjoni 2024, li se jseħħ nhar il-Ħadd 20 ta’ Ottubru, jiċċentra madwar il-festa
kbira li ħejja Ġesù u li għaliha kulħadd huwa mistieden. F’din l-okkażjoni Missio, ħejjiet video promozzjonali li jitkellem dwar it-tema u l-valuri ta’ dan il-jum importanti. ż

Il-video sar bil-ħidma tad-Direzzjonijiet Nazzjonali tas-Soċjetajiet Pontifiċji Missjunarji Awstraljani u Maltin, bil-kollaborazzjoni ta’ ħafna uffiċċji ta’ Missio minn madwar id-dinja. Missjunarji, diretturi nazzjonali u lajċi kif ukoll il-mistieden speċjali, il-Kardinal Soane Patita Paini Mafi, Isqof ta’ Tonga, qasmu s-sejħa tagħhom favur l-animazzjoni missjunarja u għarfien għall-ġbir ta’ fondi fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Missjoni. Il-video huwa disponibbli fil-lingwi ewlenin fejn topera Missio sabiex kulħadd iħossu parti minn dan il-proġett. “Il-missjoni hija li mmorru u nħabbru l-Vanġelu. Huwa l-Vanġelu li jiggwidana, u l-għan tas-Soċjetajiet Pontifiċji Missjunarji huwa li nqanqlu l-għarfien dwar il-missjoni u fl-istess ħin niġbru l-frott spiritwali u s-sagrifiċċji finanzjarji biex nagħtuhom lura skont il-ħtiġijiet tal-Knejjes lokali” jispjega l-Arċisqof Nappa, President tas-Soċjetà Pontifiċja Missjunarja.

“Din il-vokazzjoni tagħna timbuttana wkoll illum għall-fruntiera tal-evanġelizzazzjoni mill-ġdid tal-Knejjes
tal-Kristjaneżmu antik, speċjalment fil-Punent fejn in-numru ta’ Nsara qed jonqos.” Il-video ta’ madwar tliet minuti, jiġbor fih kliem ta’ kuraġġ mill-protagonisti tal-Missjoni, ir-reliġjużi u lajċi minn madwar id-dinja li ddedikaw ħajjithom għas-servizz ta’ min l-iktar għandu bżonn.


“Fil-Jum Dinji tal-Missjoni qed nitħeġġu biex noħorġu flimkien fit-toroq tad-dinja, niltaqgħu man-nies u nistednuhom għall-festa. Niltaqgħu ma’ nies differenti, minn kulturi differenti, iżda lkoll ħa nilbsu libsa
waħda – il-libsa tat-tieġ li hija l-għaqda, li nkunu familja u knisja ġdida!” qal Dun Victor Agius Direttur
Nazzjonali Missio Malta.


Il-Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta Robert Farrugia qal li l-Jum Dinji tal-Missjoni
huwa okkazjoni sabiħa għal Missio li tixħet dawl fuq il-ħidma li titwettaq ta’ kuljum f’pajjizi li qed
jiżviluppaw. “Il-Jum Dinji tal-Missjoni huwa l-qofol ta’ sena sħiħa mimlija ħidma, favur proġetti ta’ fejda f’ħafna komunitajiet fl-Afrika, fl-Ażja u fl-Amerika t’Isfel. Permezz tad-donazzjonijiet tal-Maltin, Missio Malta tkun tista’ tagħmel differenza kbira fejn il-Knisja mhux biss issalva l-ħajjiet, imma wisq aktar tifforma
persuni li huma wkoll jaslu biex b’ħajjethom joħolqu dinja aħjar fejn il-vera paċi u l-ġustizzja ma
jibqgħux biss ħolma sabiħa, imma jsiru dejjem aktar realtà,” temm jgħid Robert Farrugia.
Għal iktar tagħrif żur is-sit www.missio.org.mt jew ċempel 99137373.