Raġel ta’ 41 sena mill-Gzira ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li saq darbtejn u għadda minn ħdejn ir-residenza tal-eks sieħba tiegħu. Fis-16 ta’ Ottubru, ġie ppreżentat rapport lill-Pulizija minn mara kontrih. Dan seħħ wara li kienet rat il-vettura tiegħu qrib ir-residenza tagħha għall-ħabta ta’ nofsinhar, minkejja li kien hemm żewġ ordnijiet ta’ protezzjoni favur il-mara.
Wara li ġie ppreżentat ir-rapport, ir-raġel ġie arrestat fil-post tar-residenza tiegħu, fejn kien joqgħod ma’ ommu u missieru. L-akkużat tressaq il-Qorti jumejn wara, bil-ġenituri tiegħu preżenti għall-proċediment, fejn it-tnejn dehru viżibbilment inkwetati.
L-akkużat wieġeb mhux ħati li kiser ordni ta’ protezzjoni u l-avukat difensur talab il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq il-bażi li, għalkemm l-akkużat obda l-ordni biex jillimita l-komunikazzjoni mas-sieħba tiegħu, xorta x’aktarx li jwettaq reat ieħor. Dan għaliex l-ordni ta’ protezzjoni tiddetta li tinżamm distanza ta’ kilometru mill-mara, ordni li nkisret darbtejn.
Id-difiża kontro-argumentat li ż-żewġ ‘drive-bys’ seħħew fl-istess ħin, jiġifieri marru fejn ir-residenza tagħha u lura. Apparti li r-raġel jobdi l-ordni ta’ protezzjoni mill-aħjar li jista’, id-difiża argumentat ukoll li r-raġel kellu “tliet impjiegi, u qed jipprova jerġa’ jibni ħajtu, u hemm ħafna tentattivi biex itejjeb il-pożizzjoni tiegħu. Li jintbagħat il-ħabs kien qed jitfa’ l-isforzi kollha tiegħu kollha għalxejn.”
Il-Qorti ħelset lill-akkużat mill-arrest tiegħu, bil-kundizzjonijiet li ma jitħalliex jivvjaġġa barra minn Malta, ma ikkomunika mal-eks sieħba tiegħu, u għandu jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa. Barra minn hekk, ġie impost curfew, flimkien ma’ depożitu ta’ €2,000 u garanzija ta’ €8,000.
Il-Qorti ordnatlu li jrid iżomm kilometru bogħod mir-residenza tal-eks sieħba tiegħu, u 500 metru minn kull fejn tkun hi.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat, filwaqt li l-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>