Lokali

“Tippersisti t-tmexxija abbużiva mill-maġġoranza Laburista fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta” – PN

Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta huma mħassbin dwar il-mod kif qed jiġu injorati u jiskopru affarijiet relatati mal-Kunsill Lokali mingħand ħaddieħor.

L-aħħar azzjoni li saru jafu biha mingħand persuni li m’għandhomx x’jaqsmu mal-Kunsill Lokali kienet azzjoni ta’ protest ġudizzjarju kontra l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, azzjoni legali li fl-ebda ħin ma tressqet għall-attenzjoni tal-kunsillieri lokali.

Iktar minn hekk, jidher li dan il-protest ġudizzjarju ġie mwieġeb mill-Kunsill Lokali, u r-risposta ma kellhiex l-approvazzjoni tal-istess kunsillieri lokali.

Dan l-aġir abbużiv fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta mmexxi minn maġġoranza Laburista jesponi l-mod tal-mistħija kif qed jitmexxa l-istess Kunsill Lokali mmexxi mis-Sindku Olaf McKay.

Aġir bħal dan mhuwiex aċċettabbli u l-kunsillieri lokali tal-PN se jkomplu jaħdmu favur it-trasparenza u l-interess tar-residenti. Il-kunsillieri Nazzjonalisti jfakkru li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta mhu proprjetà ta’ ħadd u min qed jieħu azzjonijiet minn wara dahar il-kunsillieri għandu jiftakar li l-liġi hija l-istess għal kulħadd. 

Fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u f’dawk sussegwenti, kulħadd se jkun kostrett li jwieġeb għal għemilu biex ir-residenti Beltin ikunu infurmati f’liema sitwazzjoni jinsab il-Kunsill Lokali tal-belt kapitali u l-mod abbużiv kif qed jitmexxa mis-Sindku u l-maġġoranza Laburista.

Dan intqal fi stqarrija minn Ylenia Montfort, il-Minority Leader u Kunsilliera tal-PN fil-Belt Valletta; Roberta Bonello Felice, Kunsilliera tal-PN fil-Belt Valletta; u Vince Fabri, Kunsillier tal-PN fil-Belt Valletta.