Lokali

Vittma ta’ theddid se jkollha tistenna sena u nofs biex jibda jinstema’ l-każ tagħha fil-Qorti

Vittma ta’ theddid se jkollha tistenna sena u nofs biex jibda jinstema’ l-każ tagħha fil-Qorti.

Dan intqal mill-avukat tal-vittma wara li tkellem mat-Times of Malta fejn qal li huwa qatt ma ra dan id-dewmien fit-tul kemm ilu jaħdem bħala avukat għal dawn l-aħħar 31 sena.

Jidher li l-vittma kienet daħħlet rapport mal-Pulizija xi xhur ilu wara li hi kienet qed tiġi mhedda, bl-avukat jisħaq li l-vittma jeħtiġilha minnufih ordni ta’ protezzjoni. Bil-ġustizzja f’pajjiżna li mhix qed isservi dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà, bl-istennija ta’ din il-vittma tkun sa Marzu tal-2026.

L-avukat, Victor Scerri qal li hu għandu xorti għandu kalendarju għall-2025 aħseb u ara kemm għandu kalendarju għal sentejn oħra. Dan apparti li ġab għall-attenzjoni l-fatt li l-vittmi ma jistgħux jiftakru ċertu dettalji importanti li jiġu mistoqsija fil-Qorti, bħad-dati u ħinijiet, wara sena u nofs jistennew biex jippreżentaw il-provi.

L-avukat Scerri saħansitra tefa’ l-ittra tat-taħrika fuq Facebook personali tiegħu, b’dawk li kkummentaw qalu kif din is-sitwazzjoni f’pajjiżna qed twassal biex tabbanduna lill-vittmi li jeħtieġu l-protezzjoni. B’oħrajn iqabblu din is-sitwazzjoni fil-Qorti ma’ dik fl-Isptar Mater Dei b’waiting lists ma jispiċċaw qatt tant li xi drabi l-għajnuna saħansitra tasal tard wisq.

Fil-każ tal-Qorti, diġa’ rajna għadd ta’ każijiet fejn din l-għajnuna waslet tard wisq. B’dawk l-iżjed ovvji kienu tal-vittmi ta’ vjolenza domestika fejn minkejja li talbu l-għajnuna saħansitra ġimgħat qabel l-omiċidju, il-ġustizzja naqqsithom bi kbir tant li spiċċat itteħdilhom ħajjithom.

B’każijiet oħra jkunu meta d-dewmien tant ikun kbir li l-vittmi jispiċċaw jixjieħu u jmutu qabel biss jaraw it-tmiem tal-każ tagħhom fil-Qorti.

Intant, fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi fl-1 ta’ Ottubru, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti f’Awla 22 saħaq dwar il-kriżi ta’ spazju li hemm fil-Qorti – fejn preżentament hemm madwar 1,700 inkjesta pendenti – u fakkar li suppost il-maġistrati inkwirenti kellu jkollhom binja għalihom iżda dan għadu ma seħħx.

Qal ukoll li filwaqt li l-ġudikanti qed jiżdiedu, l-ispazju fil-binja tal-Qorti hu li hu, u għalhekk sejjaħ biex is-soluzzjoni tinstab ‘il barra mill-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta.

Huwa stqarr ukoll li jinsab imħasseb ħafna bin-nuqqas kbir ta’ staff, skrivani, marixxali, traskritturi full-time fost oħrajn – nuqqas li jista’ jsarraf f’inġustizzji kbar.

Intant, aktar qabel tkellem il-President tal-Kamra tal-Avukati, Peter Fenech, fejn saħaq li l-Maġistrati Inkwirenti ma jistgħux jaħdmu sew bir-riżorsi li għandhom u li l-problemi jridu jiġu indirizzati ħolistikament mhux permezz ta’ management by crisis.